Thursday, November 12, 2026
Home Sport Assemblea Ġenerali tal-MFA: 61 player li jilagħbu barra minn Malta bħalissa huma...

Assemblea Ġenerali tal-MFA: 61 player li jilagħbu barra minn Malta bħalissa huma eliġibbli biex jirrappreżentaw lit-timijiet nazzjonali Maltin

0
31

It-timijiet nazzjonali ta’ Malta lagħbu 118-il partita internazzjonali matul l-2026, bejn it-timijiet nazzjonali tal-irġiel u tan-nisa, il-futsal u l-beach soccer. Dan ifisser li l-għadd ta’ logħbiet kważi ttriplika meta mqabbel mal-40 partita li ntlagħbu fl-2021. It-timijiet tal-irġiel lagħbu 70 partita fl-2026, meta mqabbla mat-28 partita li kienu lagħbu ħames snin qabel.

L-esperjenza internazzjonali tibda ferm qabel player jasal biex jintgħażel mat-team nazzjonali tal-kbar. Mill-istaġun 2020/21 ‘l hawn, it-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ ta’ Malta lagħbu 290 partita internazzjonali, li jinkludu 210 fil-football tal-irġiel, 72 fil-football tan-nisa u tmienja fil-futsal.

Dawn il-logħbiet jagħtu lill-players żgħażagħ opportunitajiet regolari biex jittestjaw il-kapaċitajiet tagħhom kontra avversarji internazzjonali hekk kif jgħaddu minn kategorija għal oħra.

Din il-progressjoni tidher ukoll fit-tim nazzjonali tal-kbar tal-irġiel. Erbatax-il player li għaddew mill-aħħar erba’ gruppi tal-U21 illum qed jilagħbu regolarment mat-tim nazzjonali tal-kbar. Fost dawn hemm Kurt Shaw, Paul Mbong, Alexander Satariano, Matthew Guillaumier u Andrea Zammit.

Player ieħor, Mattias Ellul, kiseb l-ewwel sejħa tiegħu mat-team nazzjonali dan ix-xahar. Erba’ players żgħażagħ oħra tat-team tal-kbar għadhom eliġibbli biex jilagħbu mal-ġenerazzjoni l-ġdida tal-U21, li tinkludi players imwielda fl-2006 jew wara. Dawn huma Kean Scicluna, Keyon Ewurum, Jake Azzopardi u James Sissons.

Il-football ma’ clubs barra minn Malta qed jipprovdi wkoll sors importanti ta’ esperjenza għall-players internazzjonali Maltin. Bħalissa, 61 player li huma eliġibbli biex jirrappreżentaw lit-timijiet nazzjonali Maltin huma rreġistrati ma’ clubs barra minn Malta.

Mit-total ta’ dawn il-players, disgħa jilagħbu mat-team nazzjonali tal-kbar tal-irġiel, filwaqt li 29 oħra jilagħbu mat-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ tal-irġiel. Fil-football tan-nisa, hemm 12-il player tat-team nazzjonali tal-kbar u 11-il player tat-timijiet taż-żgħażagħ li jilagħbu barra minn Malta.

Il-President tal-Malta Football Association, Bjorn Vassallo, spjega kif iż-żieda fin-numru ta’ logħbiet tagħti lit-timijiet nazzjonali aktar ħin biex jaħdmu flimkien u aktar opportunitajiet biex jikkompetu fuq livell internazzjonali f’fażijiet differenti tal-iżvilupp tagħhom.

Huwa sostna li l-fatt li llum hemm numru ta’ players li għaddew mill-U21 u qed jilagħbu regolarment mat-team nazzjonali tal-kbar juri kif din l-esperjenza qed tħalli l-frott tagħha. Dan hekk kif xi players qed jagħmlu l-qabża għat-team tal-kbar waqt li għadhom żgħar biżżejjed biex jibqgħu eliġibbli wkoll għat-team nazzjonali tal-U21.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here