Saturday, December 28, 2024

65 perit jirċievu l-warrant biex jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta l-warrant lil 65 perit li temmew il-kors ta’ studju tagħhom u għaddew mill-eżami tal-warrant biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.

F’diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar is-sinifikat tal-għoti tal-warrant lil nies professjonisti bħal periti bħala rikonoxximent mill-istat lejhom biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom – rikonoxximent li għandu marbuta miegħu diversi dmirijiet u responsabbiltajiet lejn l-istess professjoni u lejn is-soċjetà.

Huwa fisser ir-responsabbiltajiet tal-periti sa minn meta jiġi disinjat proġett sakemm jitlesta, fejn sostna li kull proġett għandu impatt fuq il-madwar u l-periti għandhom ikunu sensittivi għal kull impatt. “Ix-xogħol tagħkom se jsawwar id-dinja ta’ madwarna u għandu impatt dejjiemi fuq dawk li jgħixu fil-bini li tfasslu. Hija responsabbiltà tremenda, u waħda li teħtieġ impenn profond u kollettiv,” sostna l-ministru.

Il-ministru semma d-djalogu kontinwu li jsir u li se jkompli jsir bejn il-professjonisti u l-partijiet interessati kollha biex issir qabża ta’ kwalità fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni. Huwa semma wkoll id-diversi riformi li se jkunu qed jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin biex ir-responsabbiltajiet ta’ kull minn hu involut fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni jkunu ċari, fosthom l-abbozz dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.

Dan se jinkludi bidliet leġislattivi robusti li se jsiru għall-ewwel darba f’dan is-settur li jolqot b’mod dirett il-professjoni tal-periti, f’kull fażi tiegħu.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm id-diskors tiegħu billi fakkar lill-periti fl-importanza tal-kodiċi tal-etika bħala l-gwida fix-xogħol tagħhom, biex jirrispettaw l-ambjent u jaħdmu favur ekonomija ċirkulari, biex ikun protett il-konsumatur u jitħarsu s-sigurtà u s-saħħa pubblika. Huwa appellalhom sabiex jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ policies nazzjonali u li jkunu attivi biex ikomplu jkabbru r-rilevanza tal-professjoni tagħhom.

Ekonomija

Sport