Wednesday, December 25, 2024

66 SENA MILL-ISTRAJK ĠENERALI TAT-28 TA’ APRIL 1958

Aqra wkoll

Il-jum tat-28 ta’ April 1958 jibqa’ għażiż u glorjuż għall-General Workers’ Union. Dakinhar il-ħaddiem Malti qam, u ġġieled għad-drittijiet tiegħu u tal-pajjiż. Din il-ġrajja storika titfakkar proprju għada, 66 sena wara l-istrajk ġenerali li kien segwit minn irvell nazzjonali mill-ħaddiema.

Dakinhar tal-istrajk, il-ħaddiema Maltin niżlu fit-toroq u kkmandaw il-pjazez, mhux biss biex jiġġieldu għad-dritt tax-xogħol, iżda wkoll għall-ħelsien ta’ pajjiżna. L-Ingliżi bdew jheddu li jagħtu s-sensji lill-impjegati ta’ mas-servizzi u li jagħlqu t-Tarzna li kienet tħaddem iżjed minn 12,000 persuna.

Ir-riżoluzzjoni tal-GWU, li kienet għaddiet mill-Kunsill Nazzjonali u li permezz tagħha l-ħaddiema ssejħu għal strajk ġenerali u jum ta’ protesta nazzjonali kienet tgħid hekk: “il-kriżi ġiet preċipitata mill-Gvern Brittanniku li bħal żminijiet oħra fl-imgħoddi ma għarafx jonora l-obbligi tiegħu lejn il-poplu Malti.”

F’dan l-istrajk, il-ħaddiema Maltin kienu bagħtu messaġġ ċar lill-ħakkiema Ingliżi illi ż-żmien tagħhom f’Malta kien beda jiskadi. Kienu ħafna l-ħaddiema u żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħalha u mingħajr biża’ u b’militanza kbira ħarġu jipprotestaw. Kienet ġurnata fejn il-ħaddiema mmexxija mill-GWU u anke bl-għajnuna tal-Partit Laburista ddominaw il-pjazez u t-toroq.

It-28 t’April 1958 kienet il-ġurnata li fiha ssaħħu d-drittijiet tal-ħaddiem u d-determinazzjoni tagħhom li ma jkunu qatt aktar maħkuma. Il-ħaddiema Maltin kellhom jaffaċċjaw il-qilla tal-pulizija u li kienu arrestati. Fl-istess ħin kienet ġurnata glorjuża għall-ħaddiema u l-GWU għaliex dik il-ġurnata wittiet il-mixja ta’ pajjiżna lejn ħelsien sħiħ mill-ħakma tal-barrani.

Biex din il-ġrajja storika tibqa’ tiġi mfakkra fl-annali tal-istorja, il-GWU kienet inawgurat mafkar fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, wieħed mil-lokalitajiet fejn saru l-eqqel battalji mal-pulizija, li jagħti qima lil dawk l-eroj li kienu arrestati u/jew mitfugħa l-ħabs.

Fil-kuntest ta’ dan kollu tajjeb li nistaqsu, dak li ġara 66 sena ilu għadux rilevanti llum. Għadha rilevanti għal-lum ukoll għaliex jekk il-ħaddiem jillaxka fil-ġlieda għad-drittijiet tiegħu jista’ jasal iż-żmien li dawn jitlifihom. Għalhekk kien u għadu importanti li l-GWU tibqa’ tkun it-tarka tal-ħaddiem kif dejjem kienet.

Ekonomija

Sport