Saturday, December 21, 2024

66% tal-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna hija tajba

Aqra wkoll

Il-Maltin fost l-iktar fiduċjużi fl-eqqel tal-pandemija  

L-istħarriġ tal-Eurobarometer li għamlet il-Kummisjoni Ewropea bejn Ġunju u Lulju li għadda jikkonferma kif minkejja l-pandemija f’pajjiżna xorta kien hawn livell qawwi ta’ ottimiżmu u fiduċja. Fil-fatt dan l-istħarriġ jindika li 46% tal-poplu jafdaw fil-Gvern, kontra 37% fil-bqija tal-UE. Qabel il-bidla fl-amministrazzjoni fl-2013 il-fiduċja fil-Gvern Malti kien tlaħħaq 34% biss. 

69% tal-Maltin u Għawdxin qallu li kuntenti bil-miżuri li ħa l-Gvern biex jikkumbatti l-pandemija’ żieda ta’ 16% mill-istħarriġ preċedenti. Dan kontra medja ta’ 53% fl-UE, fejn iż-żieda kienet ta’ 10% biss. 

46% ta’ dawk intervistati sostnew li jemmnu li l-affarijiet f’pajjizna sejrin fid-direzzjoni t-tajba, b’kuntrast ghar-rata medja ta’ 39% madwar il-pajjizi tal-UE. Il-proporzjon f’Malta f’Ġunju/Lulju 2021 sodisfatti bid-direzzjoni tal-pajjiż kien darba u nofs dak fi tmiem l-2012.

Żewġ terzi (66%) tal-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna hija tajba, kontra 40% tal-persuni madwar l-UE. L-ottimiżmu ekonomiku li hawn f’pajjiżna huwa kważi l-istess li kien hawn fl-ewwel xhur wara l-bidla fil-Gvern fl-2013.

Mentri skont l-Oppożizzjoni l-familji għaddejjin minn sitwazzjoni finanzjarja mwegħra, l-Eurobarometer jindika li 85% tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hija tajba, filwaqt li 65% tal-Maltin jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. Barra minn hekk, 38% ta’ dawk intervistati sostnew li jistennew li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjizna ser titjieb fis-sena li gejja, bi 3% biss jemmnu li qatt mhu ser nirkupraw mid-daqqa tal-pandemija. Dan huwa l-aqwa riżultat madwar l-UE.

Mentri fl-2012 kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija, illum dan il-proporzjon waqa’ taħt l-10% minkejja li qegħdin f’pandemija. Filwaqt li fl-2012, kważi kwart ta’ dawk intervistati kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali, dan issa naqas ghal 4%. F’pajjiżna bħalissa hawn it-tieni l-anqas rata ta’ biża’ fuq il-qgħad fost il-familji madwar l-UE, 4% kontra medja ta’ 21%.

Ir-riżultati tal-Eurobarometer jikkonfermaw kemm hawn sens ta’ fiduċja fost il-familji f’pajjiżna. Il-qagħda finanzjarja, li qed twerwer lill-familji madwar l-Ewropa, ma hux qed tbeżża wisq lill-familji f’pajjiżna. L-istituzzjonijiet qed igawdu livell ta’ fiduċja tajjeb, speċjalment l-awtoritajiet tas-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika u b’żieda ta’ fiduċja fil-pulizija u fis-sistema ġudizjarja. 

B’kuntrast 25% biss tal-Maltin u l-Għawdxin sostnew li għandhom fiduċja fil-mezzi tal-media. Din hija l-inqas proporzjon madwar l-UE, u hija terz tal-fiduċja li teżisti fil-media fil-Finlandja, l-pajjiż fejn hemm l-ogħla livell ta’ fiduċja fil-mezzi tal-media.

Ekonomija

Sport