Saturday, May 4, 2024

Jintensifika l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Baġit 2022

Aqra wkoll

Il-PM Abela f’laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija għal skambju ta’ ideat u proposti bl-għan li pajjiżna jħejji l-programm ekonomiku u soċjali tiegħu għas-sena li ġejja.

Matul il-laqgħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb irringrazzjat lill-gvern talli f’mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, f’pajjiżna, in-negozji Maltin u Għawdxin sabu gvern li sostnihom. Hekk kif ippreżentat dokument b’196 proposta, is-Sinjura Xuereb qalet li issa jeħtieġ li nindirizzaw sfidi oħra kkawżati mill-pandemija – ewlenin fosthom in-nuqqas ta’ riżorsi umani disponibbli għan-negozji. Saħqet li biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv jeħtieġ li dan in-nuqqas jiġi indirizzat hekk kif dan kien sentiment komuni fost il-komunità tan-negozju.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-dokument huwa wieħed studjat u li jirrifletti l-polz tan-negozji. Saħaq li flimkien jista’ jitfassal programm ta’ ħidma li jdawwar dawn l-isfidi f’opportunijiet għal pajjiżna, kif diġà għamilna fil-passat.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Dr Marthese Portelli saħqet li l-proposti tagħhom saru wara proċess twil ta’ konsultazzjoni mal-membri kollha tal-Kamra u li allura jirriflettu firxa wiesgħa tal-komunità tan-negozju.

Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il- Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, u l- Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Kull min jixtieq jaqsam l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-Baġit 2022 u jkun parti mid-diskussjoni jista’ jagħmel dan billi jżur finanzi.gov.mt/22.

Sport