Il-Belt Valletta tilqa’ l-istaġun tal-Milied

Aqra wkoll

L-istaġun tal-festi fil-Belt Valletta beda uffiċjalment illejla bil-mixegħla tas-siġra tal-Milied u dwal tat-toroq b’disinn ġdid, flimkien mal-inawgurazzjoni ta’ presepju ġdid fi Pjazza San Ġwann, li taw bidu għall-programm Christmas in the Capital, organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, nedew uffiċjalment l-istaġun tal-Milied fil-Belt Valletta.

Din is-sena, l-unur li tixgħel is-siġra u d-dwal tal-Milied ingħata lil Ellie Portelli, tifla ta’ 10 snin li meta kienet għadha tarbija għamlet trapjant tal-fwied b’suċċess u li l-familja tagħha rċeviet l-appoġġ tal-Malta Community Chest Fund matul il-kura tagħha fir-Renju Unit.

In-nostalġija u t-tradizzjonijiet tal-Milied Maltin jinsabu fil-qalba tad-dekorazzjonijiet ta’ din is-sena. Is-siġra tal-Milied, bl-isem Is-Siġra tan-Nanna u magħmula minn The Tiny Traditions, hija mżejna b’ornamenti maħduma bl-idejn minn Mediterranean Ceramics u ispirati mill-kultura Maltija. Id-dwal tal-Milied b’disinn ġdid ta’ Joseph Cauchi u Chris Gauci jfakkru fis-sengħa u t-tradizzjonijiet dekorattivi ta’ żminijiet imgħoddija.

Fiċ-ċentru tad-disinn tad-dwal hemm anġli li jfakkru fil-figuri tradizzjonali tal-karti li fl-imgħoddi kienu jżejnu l-presepji Maltin tal-kartapesta. Tliet faxex dekorattivi jiffurmaw pavaljun taħt l-anġli, filwaqt li erba’ stilel tad-deheb imdendlin ifakkru fl-ornamenti li dari kienu jżejnu s-siġar tal-Milied fid-djar Maltin.

Dan id-djalogu bejn il-passat u l-preżent ikompli fi Pjazza San Ġwann b’Ilbieraħ, Illum u Għada, il-presepju l-ġdid iddisinjat minn Michael Cutajar Zahra. Billi jgħaqqad il-pasturi tradizzjonali ma’ ambjent Malti kontemporanju, il-presepju jirrifletti r-realtajiet soċjali u urbani tal-lum, filwaqt li jesplora r-relazzjoni bejn it-tradizzjoni u dinja li kontinwament qed tinbidel.

Flimkien, is-siġra tal-Milied, id-dwal tal-Milied u l-presepju jiċċelebraw il-karattru distintiv tal-Milied Malti, billi jispiraw ruħhom mill-memorja kollettiva tagħna filwaqt li jagħtu interpretazzjoni ġdida lil tradizzjonijiet familjari għal ġenerazzjonijiet ġodda.

Matul l-istaġun tal-Milied, Christmas in the Capital jiġbor flimkien madwar 300 artist f’25 attività, b’mużika live, wirjiet korali, kunċerti, attivitajiet għall-familja u ċelebrazzjonijiet tradizzjonali li se jsiru madwar il-Belt Valletta.

Fost l-attivitajiet ewlenin hemm il-Purċissjoni Tradizzjonali tal-Bambin u l-Priedka tat-Tifel, Carols in the Capital fil-Knisja ta’ San Franġisk, u The Home Alone Movie Experience fil-Valletta Design Cluster.

Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom bil-Festi Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ.

Il-programm huwa r-riżultat ta’ investiment ta’ €750,000 mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Il-programm sħiħ ta’ Christmas in the Capital jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, vca.gov.mt/en/events/christmas-in-the-capital-2026/, kif ukoll fuq il-paġni tagħha ta’ Facebook u Instagram.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport