Negozjant illiberat minn akkużi ta’ fastidju sesswali wara appell b’suċċess

Aqra wkoll

Salah Eddeen Al Skweiki ġie lliberat mill-akkużi kollha wara li l-allegata vittma rrifjutat li tkompli tixhed waqt il-proċeduri kriminali li reġgħu nstemgħu mill-ġdid.

Ċittadin Żvizzeru ta’ 60 sena, li qabel kien instab ħati li ta fastidju sesswali lil ħaddiema f’lukanda, inħeles mill-akkużi kollha wara li l-każ instema’ mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Salah Eddeen Al Skweiki kien akkużat li ta fastidju sesswali lil ħaddiema f’lukanda billi allegatament wettaq imġieba ta’ natura sesswali. Huwa kien qed jiffaċċja wkoll akkuża li aggredixxa lill-mara.

L-allegat inċident seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2025, fil-lukanda Corinthia Hotel St George’s Bay f’San Ġiljan.

Inizjalment, l-akkużat kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Madanakollu, sussegwentement appella mis-sentenza.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat li l-każ jerġa’ jinstema’ mill-ġdid wara li sabet li mir-rekords tal-proċeduri ma kienx jirriżulta li l-akkużat ingħata żmien biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tal-ħtija tiegħu, kif titlob il-liġi skont il-Kodiċi Kriminali.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza oriġinali u bagħtet il-każ lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

L-allegata vittma ma riditx tkompli tixhed

Il-proċeduri reġgħu ġew assenjati lill-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fit-12 ta’ Mejju 2026, bl-ewwel seduta saret fis-7 ta’ Lulju.

Il-qorti semgħet ix-xhieda tal-Ispetturi Kelsey Bugeja u Nico Zarb, kif ukoll tas-Surġent tal-Pulizija Andrew St John, li spjegaw l-investigazzjonijiet li saru wara r-rapport tal-vittma.

Waqt l-ewwel seduta, l-allegata vittma wkoll telgħet fuq il-pedana tax-xhieda. Madankollu, wara li d-difiża bdiet tagħmlilha l-mistoqsijiet, il-qorti ssospendiet ix-xhieda tagħha fuq talba tagħha għal assistenza legali.

L-istess talba reġgħet saret waqt seduta sussegwenti fit-22 ta’ Settembru.

Meta l-allegata vittma reġgħet dehret quddiem il-qorti fis-17 ta’ Novembru, hija mill-ewwel infurmat lill-qorti li xtaqet li l-proċeduri kriminali kontra l-akkużat jitwaqqfu.

Fil-preżenza tal-avukat tagħha u ta’ interpretu, il-Qqrti spjegatilha diversi drabi li l-proċeduri dwar l-akkuża ta’ fastidju sesswali setgħu jibqgħu għaddejjin anke jekk hija ma xtaqitx tkompli bil-każ. Il-qorti ċċarat ukoll li hija setgħet tirrifjuta li tixhed biss jekk ix-xhieda tagħha setgħet tesponiha għal responsabbiltà kriminali.

Il-qorti ssospendiet il-proċeduri diversi drabi sabiex l-allegata vittma tkun tista’ tikkonsulta mal-avukat tagħha.

Wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-avukat tagħha informa lill-qorti li l-allegata vittma ma xtaqitx tkompli tixhed minħabba l-biża’ li tinkrimina lilha nnifisha.

Fid-dawl ta’ dan, il-qorti kkonkludiet li l-provi li kien għad fadal kienu jikkonsistu f’xhieda indiretta, u li r-rakkont li l-allegata vittma kienet tat lill-awtoritajiet investigattivi ma setax iservi bħala prova tal-akkużi kontra l-imputat.

Għaldaqstant, il-qorti lliberat lill-akkużat mill-akkużi kollha.

L-avukat Joe Giglio deher għall-akkużat.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ippresediet fuq il-kawża.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport