Friday, April 26, 2024

70 impjieg ġdid f’kumpanija tal-farmaċewtika wara investiment ta’ aktar minn €30 miljun 

Aqra wkoll

Teva Malta ħabbret investiment ta’ aktar minn €30 miljun li se jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha sabiex tipprovdi mediċina ta’ kwalità għolja għal iżjed minn 70 pajjiż. L-investiment beda fl-2020 fejn sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu ntefqu €20 miljun u s-sena d-dieħla hu pjanat li jsir investiment ta’ €11-il miljun. B’dan l-investiment, Teva Malta mistennija timpjega madwar 70 persuna oħra, b’40 minnhom fl-immedjat f’oqsma xjentifiċi u tal-inġinerija, fost oħrajn. 

Il-Prim Ministru Robert Abela Waqt żjara li għamel fiż-żona industrijali ta’ Bulebel, qal li din il-kumpanija globali, b’portafoll impressjonanti ta’ mediċina li tilħaq 200 miljun pazjent madwar id-dinja, qiegħda mill-ġdid tagħti fiduċja f’pajjiżna u tinvesti u tespandi iktar f’Malta. Żied jiddeskrivi dan l-investiment bħala turija ta’ fiduċja fit-talent Malti u fl-eċċellenza li dan il-pajjiż qed ikompli jsaħħaħ fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi. 

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru għamel referenza għar-riżultati li qiegħed b’mod konsistenti jikseb pajjiżna mill-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu fejn dawn qed jisħqu li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u qed tiffoka fuq li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi li jinħolqu. “It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea u r-rapporti tal-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu qed jagħtu messaġġ ċar illi l-mod kif qed inħarsu illi nipproteġu lin-nies u li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli qed ikollu effett pożittiv fuq n-negozji f’Malta”, qal Dr Abela. Il-prim ministru nnota wkoll li l-istudenti li qed jiggradwaw mill-Università, l-MCAST, u istituzzjonijiet edukattivi oħra qed isibu opportunitajiet sbieħ bħal fil-faċilitajiet li kien qed iżur.

Processed with VSCO with g6 preset

Id-Direttur Maniġerjali ta’ Teva Malta Patrick Cachia qal li l-għan ta’ dan l-investiment kontinwu huwa li jissaħħu l-faċilitajiet tal-manifattura. Teva Malta bħalissa tipproduċi mat-2.2 biljun pillola fis-sena, bl-impjant tagħha huwa approvat mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini u awtoritajiet regolatorji oħra. L-investimenti li saru sa issa jinkludu sistema ġdida tal-ilma ppurifikata, għodda għall-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda, chillers ġodda, kompressuri u sistemi ta’ trasferiment ta’ vakum biex jgħinu fil-protezzjoni tal-impjegati. Barra minn hekk, Teva investiet ħafna fi trasformazzjoni futura tal-intrapriża tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Dan apparti li għal din is-sena li ġejja hemm pjanata fost oħrajn, estensjoni ta’ laboratorju.

Preżenti għaż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.

Sport