Monday, November 4, 2024

7,000 dar ġdida kull sena … l-akbar żieda li qatt ġiet reġistrata

Għall-ewwel darba l-appartamenti u l-penthouses jiddominaw bħala l-postijiet li fihom qegħdin ngħixu f’Malta

Aqra wkoll

Hu fatt magħruf kemm l-industrija tal-kostruzzjoni hi meqjusa bħala importanti għall-ekonomija fil-pajjiż. Fl-aħħar snin ukoll rajna din l-industrija timxi ‘l quddiem u minn industrija li kienet staġna u bi problema kbar daqs 12-il sena ilu, illum qegħdin narawh tikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-pajjiż. Ma jonqsux l-ilmenti marbutin max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u bini. Statistika mill-aktar interessanti li nħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika permezz taċ-Ċensiment 2021, naraw kif qiegħed jinbidel ix-xenarju ta’ pajjiżna fejn jidħol il-bini u fejn qegħdin jgħixu l-Maltin.

Miċ-ċensiment joħroġ li fl-aħħar għaxar snin rajna l-akbar żieda ta’ djar ġodda b’aktar minn 7,000 dar ġdida kull sena. Mhux hekk biss, iżda qiegħed toħroġ ukoll xejra ġdida, dik ta’ fejn qegħdin jgħixu ir-residenti f’Malta, fejn issa għall-ewwel darba l-akbar persentaġġ ta’ residenti qegħdin jgħixu f’appartamenti u penthouses.

Skont l-aħħar Ċensiment li sar f’pajjiżna, ir-residenzi primarji f’pajjiżna raw żieda ta’ 41.2 fil-mija meta mqabbel mas-sena tal-2011. Minbarra żieda fir-residenzi primarji, kien hemm ukoll żieda ta’ 15 fil-mija fir-residenzi sekondarji, partikolarment il-villeġġjaturi.

L-istess ċensiment li t-total ta’ residenza f’Malta jammonta għal madwar 297,304. Minn dan it-total ta’ residenzi, hemm 81,613 residenzi sekondarji, jiġifieri jew jinsabu vakanti jew inkella jintużaw biss bħala villeġġjatura.

L-iktar lokalitá li fiha hemm residenzi f’Malta hija San Pawl il-Baħar. Dan hekk kif, ġew irreġistrati 23,738 residenza. Din għalhekk turi li San Pawl il-Baħar għandu persentaġġ ta’ tmienja fil-mija tat-total ta’ residenzi fil-pajjiż.

Dan jirrifletti dak li ħareġ mill-istess ċensiment preċedentement, jiġifieri li l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar hi l-akbar waħda, b’popolazzjoni li taqbeż it-32,000 persuna.

Meta mqabbel maċ-Ċensiment tal-2011, il-lokalitajiet li kellhom l-ikbar żidiet fir-residenzi f’dak il-perjodu kienu; San Pawl il-Baħar, l-Imsida u l-Mosta. Dan filwaqt li l-akbar żidiet ta’ residenti ġew irreġistrat f’San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema u l-Imsida.

Il-lokalitajiet li rreġistraw l-aktar tnaqqis ta’ residenzi kienu l-Belt Valletta, l-Isla u San Lawrenz, Għawdex.

Mill-istatistika ippubblikata jirriżulta li f’għaxar snin bejn is-sena 2011 u s-sena 2021, l-ammont ta’ residenzi fil-gżejjer Maltin żdiedu bi kważi 33 fil-mija għal total ta’ kważi 300,000 residenza.

Kien irrimarkat li t-total ta’ residenzi f’Malta u Għawdex hu erba’ darbiet aktar minn kemm kien hawn 100 sena ilu. Joħroġ ukoll li ftit aktar minn kwart tar-residenzi – jew 81,613 – huma kunsidrati bħala residenzi sekondarji, villeġġjaturi jew residenzi vojta. Kważi nofs ir-residenzi f’Għawdex jaqgħu taħt din il-kategorija.

Jirriżulta ukoll li nofs ir-residenzi primarji nbnew wara s-sena 2000, fejn ġiet innutata żieda fl-appartamenti, penthouses u maisonettes. Il-maġġoranza tar-residenzi kienu f’kundizzjoni tajba.

Għall-ewwel darba, l-aktar kategorija ta’ bini li qed tintuża għall-għajxien tan-nies hi dik tal-appartamenti u l-penthouses; bi kważi nofs ir-residenzi kollha. Warajhom, il-maisonettes li ammontaw għal kważi 24 fil-mija tar-residenzi (23.9 fil-mija) u mbagħad it-‘terraced houses’.

Miċ-ċensiment ħareġ ukoll li kien hemm żieda sostanzjali fil-proporzjon ta’ residenzi primarji bl-għamara li ġew mikrija tant li f’għaxar snin żdiedu b’aktar minn 13%. L-ogħla kirjiet kienu rreġistrati f’Tas-Sliema b’€1,150 fix-xahar, segwiti minn San Ġiljan u s-Swieqi b’€1,100 fix-xahar. Mill-banda l-oħra, l-orħos kirjiet kienu rreġistrati fil-Birgu b’€553 fix-xahar u f’Għajnsielem u ż-Żurrieq b’€600.

Sport