Friday, November 22, 2024

73 uffiċjal se jintbagħtu biex jagħtu l-għajnuna fil-Libja

... it-tielet darba fi ftit xhur li pajjiżna qiegħed ikun solidali ma' popli oħra

Aqra wkoll

Malta ser tkun qed tibgħat l-għajnuna lil-Libja permezz ta’ kontinġent ta’ 73 uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dan wara li fl-aħħar sigħat eluf ta’ persuni tilfu ħajjithom kawża ta’ maltempata kbira li laqtet il-pajjiż ġar tagħna, b’eluf ta’ persuni għadhom irrappurtati nieqsa.

Dan it-tim se jkun qed jikkonsisti minn 12-il uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta li fost oħrajn jinkludi tim mediku, kif ukoll 31 membru tal-Protezzjoni Ċivili. Il-kontinġent Malti se jħalli pajjiżna fis-sigħat li ġejjin permezz tal-lanċa tal-Forzi Armati Maltija, P61, kontinġent li jinkludi wkoll ekwipaġġ ta’ 30 suldat.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li din hi t-tielet darba, fi ftit xhur, li pajjiżna qed joffri għajnuna u jkun solidali f’mument iebes ma’ poplu ieħor. Tenna li dan seta’ jseħħ biss għaliex fl-aħħar snin dawn l-uffiċjali ġew imħarrġa sew, b’investiment bla preċedent anke fl-apparat li dawn il-Korpi Dixxiplinati jużaw.

“Għal darb’oħra Malta se tkun solidali ma’ pajjiż ieħor, din id-darba wieħed ġar tagħna b’relazzjonijiet storiċi. Ser nibqgħu kommessi li mhux biss nassistu u nsalvaw f’pajjiżna, iżda wkoll ngħinu popli oħra f’mument ta’ bżonn,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Sport