Monday, December 9, 2024

Under 21: Minkejja t-telfa l-Maltin juru titjib

Aqra wkoll

Malta …………0

Ungerija …….3

Wara t-telfa ta’ 6-0 kontra Spanja, it-team nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena sofra telfa oħra, din id-darba kontra l-Ungerija bl-iskor ta’ 3-0 iżda wrew titjib, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew 2025.

Il-Maltin kellhom bidu negattiv hekk kif, wara tliet minuti, sofrew l-ewwel goal meta Matyas Kovacs xeħet cross insidjuż fejn daħal Dominik Kocsis u bil-kalma kol­lha għeleb lill-goalkeeper, Hugo Sacco, għalkemm mess il-ballun.  

Ir-reazzjoni tal-Maltin waslet fit-12-il minuta meta Andrea Zammit xeħet free-kick fil-kaxxa avversarja iżda minn tarf il-kaxxa ż-żgħira l-ballun ħabat ma’ id Basil Tuma biex iċ-ċans intilef.

Fid-29 minuta, il-goalkeeper Malti, Sacco, kien providenzjali meta wettaq save kbir biex evita goal ċert hekk kif salva d-daqqa ta’ ras ta’ Kovacs minn taħt il-lasti, mill-cross ta’ Botond Balogh.

Żewġ minuti wara, il- Maltin ħarbu b’kontrattakk veloċi fejn Andrea Zammit xeħet lejn Alejandro Garzia li ġie antiċipat b’mod skorret f’tarf il-kaxxa l-kbira.

Imbagħad, fis-37 minuta, id-difensur Malti, Jake Vassallo, imblokka x-xutt ta’ Kovacs biex Sacco salva mingħajr tbatija.

Fil-41 minuta, l-Ungeriżi rduppjaw meta Kovacs għadda lejn Dominik Kocsis li daħal fil-kaxxa u għeleb żewġ difensuri Maltin qabel ipplejsja l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Grazzi għall-vantaġġ doppju li kienu qed igawdu, l-Ungeriżi kienu territorjalment aħjar.

Madankollu, l-aħjar az­zjoni waslet mill-Maltin, eżattament fis-67 minuta, meta Andrea Zammit xeħet il-free-kick lejn Nikolai Micallef li kompla lejn Tumi li  mix-xellug ittanta xortih bil-goalkeeper, Krisztian Hegyi, isalva parzjalment bil-ballun jaqa’ għand Mattia Veselji f’tarf il-kaxxa ż-żgħira u bl-għajta tal-goal, id-difiża avversarja mblokkat ix-xutt qawwi tal-player Malti.

Iżda fis-78 minuta, reġa’ kien Sacco li salva l-Maltin meta Kovacs għadda bejn tliet difensuri u b’xutt angolat li deher dieħel fir-rokna tax-xibka, l-istess Sacco daw­war f’corner b’titjira spettakolari.

Peró, fit-85 minuta ma seta’ jagħmel xejn mix-xutt ta’ Matyas Kovacs li minn tarf il-kaxxa, immira lejn is-saqaf tax-xibka. 

malta: 12-Hugo Sacco, 3-Owen Spiteri, 4-Jake Vassallo, 5-Matthew Ellul (2-Zean Leonari 89), 7-Mattia Veselji (22-Jamie Carbone 89), 10-Andrea Zammit 11-Alejandro Garzia, 13-Nikolai Micallef (6-Karl Mohnani 78), 16-Jake Micallef (20-Kurt Bondin 89), 18-Andy  Borg (17-Gianluca Sciberras 63), 19-Basil Tuma,   – Coach: Ivan Woods

UNGERIJA: 1-Krisztian Hegyi, 2-Balint Katona (16-Milan Vitalis 63), 5-Patrick Iyinbor, 6-Mark Csinger, 8-Peter Barath (13-Andras Eordogh 78), 10-Dominik Kocsis (21-Zalan Vancsa 84) , 11-Zalan Kerezsi (7-Gyorgy Komaromi 78), 14-Botond Balogh, 15-Barnabis Kovacs, 17-Matyas Kovacs, 23-Krisztian Lisztes (9-Andreas Nemeth 63)  – Coach: Zoltan Gera

REFEREE: Marek Radina (Rep Ċeka)

ASS. REFEREES: Kamil Hajek, Jan Vana (Rep Ċeka)

RABA’ UFF: Dominik Stary (Rep Ċeka)

SKORERS: D. Kocsis 3, 41, M. Kovacs 85 (U)

AMMONITI: P. Iyinbor, K. Lisztes, P. Barath, M. Csinger (U); M. Veslji, O. Spiteri, N. Micallef (M)

Ekonomija

Sport