Talba mill-artist u fotografa Stephanie Mizzi wasslet biex 74 artisti lokali jinġabru flimkien fil-wirja Artisti għall-Ukraina. Il-qliegħ kollu minn kull xogħol tal-arti li jinbiegħ qed jingħata mill-artisti lil fond li twaqqaf apposta biex jgħin refuġjati Ukreni.
Il-wirja, li se tinżamm fil-Ħotel Cavalieri f’San Ġiljan, se ddum miftuħa ġimgħa u se tinfetaħ għall-pubbliku inġenerali mit-30 ta’ April.
Mistoqsija dwar x’ħeġġiġha tibda l-proċess ta’ din il-wirja, Stephanie Mizzi qalet: “Immaġina li inti mill-Ukraina u sa ftit ġimgħat ilu għext ħajja pjuttost kwieta, ħajja komda. F’daqqa waħda ġar jinvadi lil pajjiżek. Tħalli kollox warajk. Il-maħbub tiegħek ikollu jibqa’ biex jiġġieled f’din il-gwerra, mingħajr lanqas biss taf jekk hux se terġa’ tarah ħaj. L-unika ħaġa li baqagħlek hi li ssalva ħajtek u dik ta’ uliedek.” Kien dan li qanqal it-talba lill-artisti biex jieħdu sehem fil-proġett. Ir-risposta kienet tal-għaġeb, b’ammont kbir ta’ xogħlijiet artistiċi jingħataw għall-kawża.
Fid-daħla tiegħu għall-ktieb ta’ 160 faċċata li se jkun ippubblikat għall-okkażjoni tal-wirja, il-Professur Richard England kiteb: “L-Arti hawn mhix qed tkun biss iċċelebrata, imma mtella’ għal-livell ta’ qawwa li ttaffi t-tbatija tal-gwerra.” U dak hu eżattament l-għan ta’ din il-wirja kollettiva.
Il-pubbliku mistieden iżur il-wirja u jixtri l-arti. Tistgħu taraw ukoll ix-xogħlijiet kollha fuq il-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/Artists-for-Ukraine-Project-Paintings-for-saleauction-110707511603358/