Tuesday, May 14, 2024

Wirja fil-Forti Sant’Iermu dwar il-ħajja ta’ Anne Frank

Aqra wkoll

Kull min iżur il-Forti Sant’Iermu fil-ġimgħat li ġejjin se jkollu esperjenza aktar profonda mis-soltu, permezz ta’ wirja dwar il-ħajja ta’ Anne Frank bl-isem ‘Let Me Be Myself: The Life Story of Anne Frank’.

Il-wirja, organizzata mill-Fondazzjoni Tayar għall-Patrimonju Lhudi f’Malta b’kollaborazzjoni mad-Dar ta’ Anne Frank f’Amsterdam, qed tittella’ f’diversi postijiet f’Malta u Għawdex. Qabel il-Forti Sant’Iermu, ittellgħet fl-Università ta’ Malta (il-Kampus tal-Belt) u fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid, u minn Sant’Iermu se tmur fil-mużew ‘Il-Ħaġar’ tar-Rabat, Għawdex. Il-wirja se tkun fil-Forti Sant’Iermu sal-1 ta’ Ġunju.

Ritratt: Heritage Malta

Il-wirja hi mmirata l-aktar lejn tfal u żgħażagħ ta’ bejn il-11 u t-18-il sena, iżda nies ta’ kull età jistgħu jħossu affinità ma’ dak li għaddiet minnu Anne Frank kif spjegat permezz ta’ ritratti, artefatti, filmati u mudell tal-post fejn it-tfajla nħbiet min-Nazi mal-familja tagħha. Dawn ikopru l-ħajja qasira ta’ Anne Frank mit-twelid tagħha fl-1929 sa mewtha fil-kamp tal-konċentrament ta’ Bergen-Belsen fl-1945.

Anne Frank twieldet fi Frankfurt, il-Ġermanja, u kienet ta’ nisel Lhudi. Meta kellha erba’ snin, il-Ġermanja bdiet titmexxa min-Nazi u l-familja tagħha marret tgħix f’Amsterdam, l-Olanda. Minħabba li kulma jmur il-Lhud bdew jiġu ppersegwitati dejjem aktar min-Nazi, f’Lulju tal-1942 il-familja bdiet tgħix fi kmamar moħbijin wara xkaffa fil-bini fejn kien jaħdem missier Anne Frank. L-erba’ membri tal- familja damu moħbijin hemm kważi sentejn, sa Awwissu tal-1944, meta nqabdu u ntbagħtu f’kamp tal-konċentrament fejn l-omm u ż-żewġ ulied bniet ġew mifruda mill-missier u qatt ma raw lil xulxin aktar.

Matul iż-żmien li Anne Frank kienet moħbija ma’ familtha, hija żammet djarju fejn kienet tikteb ħsibijietha regolarment. Meta missierha – l-uniku membru tal- familja li baqa’ ħaj – mar lura Amsterdam wara l-gwerra, huwa sab id-djarju u ppubblikah fl-1947. Is-suċċess tiegħu kien fenomenali, tant li ġie tradott f’aktar minn 70 lingwa u bis-saħħa tiegħu d-dinja kollha saret taf il-ġrajja ta’ Anne Frank.

Il-Forti Sant’Iermu jkun miftuħ mit-Tlieta sal-Ħadd bejn id-9.00am u l-4.30pm. Il- wirja dwar Anne Frank hija inkluża fil-prezz normali tad-dħul.

Sport