Lil hinn mill-istorja ta’ Ġużeppi li bħalhom hawn ħafna b’esperjenzi differenti, hemm stejjer oħra ta’ Maltin li wettqu avventuri differenti. U dan billi baħħru abbord jottijiet żgħar distanzi mhux qosra.
Każ partikolari hu dak tal-familja Mallia. Kien proprju ħamsin sena ilu meta dawn għamlu 16-il xahar ibaħħru mir-Renju Unit lejn Malta.
Joe Mallia dejjem kien qies dan bħala l-ħolma ta’ ħajtu. Filfatt fl-età ta’ 34 sena, hu kien ra titwettaq waħda mill-akbar ambizzjonijiet ta’ ħajtu u baħħar mir-Renju Unit lejn Malta fuq lanċa ta’ 30 pied. Dan għamlu ma’ martu Patricia, bintu Jane ta’ 11-il sena u Pippa l-amorin.
Joe Mallia kien emigra lejn l-Ingilterra meta kellu 11-il sena. Kien mar mal-familja. Fl-Ingilterra hu kien serva fl-Armata Ingliża u meta kien iservi f’Ċipru r-Reġiment tiegħu ngħata lanċa ta’ 30 pied biex id-dilettanti jitħarrġu u jipprattikaw fuqha. It-tiswijiet ta’ din il-lanċa kienu saru f’Kalafrana.
Kien fid-29 ta’ Awwissu tas-sena 1973, meta hu telaq mill-Yacht Marina ta’ Woolwich fuq ix-xmara Thames f’Londra fuq il-‘Miss Lisa’, li kienet lanċa tan-Navy Ingliża u ġiet mibdula f’jott. Minn Woolwich baqgħu sejrin għal Calais fi Franza u minn hemm għal xahrejn sħaħ għaddew mill-kanali li hemm f’dan il-pajjiż, sakemm waslu f’Marsilja. Daru mal-kosta tan-naħa ta’ isfel ta’ Franza, sakemm waslu f’Livorno fl-Italja.
“Laħqet daħlet ix-xitwa”, kien qal Joe, li għalkemm kien ilu daqstant żmien fit-Renju Unit, xorta waħda żamm il-passaport Malti.
Minkejja li kienet daħlet ix-xitwa huma ddeċidew li jibqgħu hemm. “F’Marzu tas-sena ta’ wara tlaqna minn hemm u wasalna f’Montalto. S’hawnhekk kollox baqa’ miexi ħarir sakemm inqalgħet ħsara fil-‘gearbox’ tal-makna u wara li għamilt xi sagħtejn insewwiha, il-‘Miss Lisa’ ħabtet mal-blat li kien hemm f’dak il-baħar, beda dieħel l-ilma. Qabbadt iż-żewġ pompi sakemm wasalt viċin l-art u wara ġejna irmunkati lejn il-port mis-sajjieda ta’ hemmhekk”.
Kien qal li “tul iż-żmien li domna Montalto iltqajt ma’ Ingliż li kellu yott bl-istess daqs tal-‘Miss Lisa’ bl-isem ta’ ‘Hattie May’ u wara li begħtha, xtrajt il-‘Hattie May’ biex inkomplu l-vjaġġ.
Joe Mallia jgħid li “l-akbar avventura li ra tul dan il-vjaġġ kienet tinvolvi jott ieħor ta’ koppja Ġermaniża. Konna qegħdin sorġuti fil-port ta’ Cetraro fl-Italja waqt maltemp kbir. Rajt qlugħ ta’ jott ieħor jitla’ u jinżel xi erba’ darbiet quddiem il-bokka tal-port. Għall-ewwel ħsibt li jrid jidħol iżda ma setax jara fejn kienet il-bokka u għalhekk xegħlt il-‘flares’. Ġew immedjatament tal-Guardia di Finanza fuqi u wara li għedtilhom x’ġara, ħarġu biex juru it-triq lil jott. Min kien fuqha ma riedx jidħol. L-għada l-jott instab imfarrak fuq il-gżira ta’ Cirella, 11-il mil lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja minn fejn rajtu jien il-lejl ta’ qabel.”
Jgħid li malli sar jaf li abbord kien hemm koppja Ġermaniża, fejn il-mara mietet u r-raġel kien ġie arrestat mill-awtoritajiet. Mallia jgħid li skont l-għidut tal-sajjieda, il-Ġermaniż kellu abbord nofs miljun dollaru u l-Ħaxixa.




