“Ġibu l-lewmi megħkem”. Tħares lejja u b’leħen jgħajjat tgħidli. “Ent fejnhe l-berżekke? Nieqaf għal ftit inħares. Kienet f’idi imma issa m’hix. “‘Fejne?” terġa’ tistaqsini. “Mewr ura ħellejtiex fil-kċejne”. Inmur u nsibha fuq il-mejda. Kif tarani biha f’idi, tkun pronta tgħidli “fejn kienet?”. “Ħallejte fuq il-mujda hu insejte”. “Quddes rusek…..murru ħa ma ddemewx, għax illum ġejja l-lunga”.
Kif inmidd saqajja biex noħroġ, dlonk terġa’ tistaqsi. “Ent ħseltu l-istunku?”. Kienet qiegħda tirreferi għal dik it-tazza b’ilma fietel b’nofs lumija fih. X’se ngħidilha bdejt naħseb bejn u bejn ruħi. Jekk ngħidilha li ħadtha aktarx kienet tgħidli fejn hi t-tazza. “Ensejt”. Tkun pronta. ‘Ejje ħe negħmluha melejr”, waqt li qabbdet l-ispiritiera u poġġiet il-kitla.
Imxejt lejn ir-remissa. Kienet tkun mimlija sa ruħ ommha affarijiet. Tiben u ħuxlief fuq naħa għall-bagħal, li kien iżommu post ieħor. Mal-ħitan kont tara moħriet imdendel, b’partijiet minnu tal-injam imma imbagħad dawk il-partijiet li kienu jaqilgħu l-ħamrija kienu tal-metall. Aktar il-ġewwa mal-ħajt kont tara ringiela sħiħa ta’ imwieġel. Dejjem imsinna għal meta jiġi bżonnhom l-aktar għall-qtugħ tas-Silla fir-Rebbiegħa jew biex jinqata’ l-ħaxix ħażin minn xi ħabel li jkun tħalla jistrieħ. Faċċata imbagħad waħda ħdejn waħda qishom b’impika min se joqgħod l-aktar dritt, imgħażaq u furkettuni. Ġo qolla b’rasha mtajra, kien ikun hemm ħafna marloċċi, għal meta jinkiser marloċċ ta’ xi lexxuna, mgħażqa jew fekrun.
“Żemmli hewn”, beda jgħajjat in-nannu minn ġewwa waqt li kien qed jorbot xi xkejjer ma’ xulxin. Id-dehra ta’ dawk l-ixkejjer ħasditni ftit. Bejn u bejn ruħi għidt ġejja xi tagħbija. “Dewk għel megħne?” Staqsejtu. “Le x’għel megħne. Ġejjen għelihem llejle dewk”.
Ġiet it-tazza sħuna bil-lumi. Dort lejh u għedtlu ’tgħejt inneżżlew n-nessi megħne netfgħew tefgħe”. Ħadni bil-herra. “L-ewwel il-pappa u mbagħad l-umpappa”. Ma nafx kemm il-darba kien jgħidhieli. Fhimt li dakinhar m’hemmx sajd.
U tlaqna. Mit-Tilliera lejn il-Qortin u mbagħad għar-Rub. Hemmhekk kellu l-qolol tan-naħal, qalb ħafna siġar tal-frott. Faċċata kont tara quddiemek il-bajja ta’ Fomm ir-Riħ. Żammejt ftit ‘lbogħod għax dak in-naħal idur u jagħqad, kien ibeżżagħni. Irħilu li kien jgħidli li dak jekk ma ttiħx fastidju mhu se jagħmillek xejn. Ngħid għalija qatt ma’ fhimt kif in-naħal kien għamlu ħdejn is-siġar tal-frott.
Sakemm bdejt naqbad it-tub, għax dan kien ħabel bajjad u nitfa’ għal ġol-qasab u nieħu gost nisma’ dak il-ħoss li tagħmel il-ġebla meta taħbat mal-qasab.
“Ejje għelihem, ħellejk mill-ġebel.” Kien pront urieni diversi xkejjer żgħar li kienu mimlijin tuffieħ, u lumi li kien għadu kif qata’. Bdejt naqbad waħda waħda u nitla’ s-sies u npoġġi fil-karru. Miegħi il-kelba tiela’ u nieżla ixxammew kull ma tara u ma nafx kemm il-darba kont se nitfixkel fiha.
Rajtu jagħmilli sinjal li se jimxi għal ħabel ieħor. Inżilt inħaffef u niltaqa’ miegħu nofs triq. “X’se negħmlew ekter?”. “Għel fejn il-ġebja. Neqgħelew keċċ Bqajla u Zunnarija.” U intfajna naqilgħu u npoġħu fuq xkora. Kif lestejna rabatha u tellajnihom. Min hemm qbadna t-triq lura lejn ir-remissa. Fin-nofs waqafna f’Għajn Bierda u mlejna fliexeken bl-ilma. Qabel dħalna, għadda fejn konna ngħidulu Tas-Sirena. Waqaf għal ftit biex ikellem lil xi ħadd u wara bqajna sejrin.
Il-ħajja rurali u l-flora fil-folklor
Illum ħafna minn dak li konna ngħixu aħna daqs 40 jew ħamsin sena ilu, tista’ tgħid li spiċċa. Kienet ħajja totalment differenti mil-lum. Ħajja li mhix mgħaġġla bħal lum. Kien hemm ħafna xogħol xi jsir, imma kienet żmien fejn kollox isir bit-temp tiegħu. Ikel xorb u drawwiet kienet totalment differenti.
Il-pjanti ta’ madwarna kienu parti integrali mill-folklor Malti. Pjanti, siġar tal-frott u siġar oħrajn kienu parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum, it-twemmin, u t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna. Fil-kultura Maltija, il-pjanti ma kinux jintużaw biss għall-ikel, iżda wkoll għall-fejqan, bħala protezzjoni kontra l-ħażen.
Il-lumija kellha post speċjali
Xi ħaġa li kellha post speċjali kienet il-lumija. Filgħodu, il-ġurnata kienet tibda billi nagħmlu ilma fietel, naqsmu lumija f’erba’ u wieħed minnhom nagħsruh u nitfgħuh f’dik it-tazza ilma fietel. Kont nismagħhom jgħidu li ‘qed taħsel l-istonku’. L-antiki kienu tal-fehma li dik ix-xarba tgħin fid-diġestjoni, tnaddaf il-fwied u l-ġisem mill-veleni.
Anki fejn jirrigwarda uġiegħ ta’ ras qawwi jew sturdament fis-sħana tas-sajf, l-ilma bil-lumi kien jitqies bħala l-ewwel rimedju biex ibaxxi l-pressjoni u s-sħana tal-ġisem, kultant anke b’ċarruta mxarrba bl-ilma.
L-ilma sħun bil-lumi, xi drabi imħallat ma’ ftit melħ jew għasel, kien jintuża biex jiggargarizza u għalhekk itaffi l-uġigħ fil-griżmejn u jfejjaq ġrieħi żgħar fil-ħalq.
Il-lumi kien jintuża anke kontra s-superstizzjonijiet
Il-lumi, ma kienx jintuża għalhekk biss. Dejjem kien ikun hemm waħda u ġieli aktar maqsuma u bl-Imsiemer tal-Qronfol fiha. Din kienet issir għax kienu jemmnu li dik tipproteġi id-dar. Kienet qisha simboli ta’ ħarsien. Li hu żgur li kienet tagħmel riħa tfuħ!
Kien hemm min ixerred ftit ilma bil-meraq tal-lumi jew ilma mgħolli bil-qxur tal-lumi fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra. Din il-prattika kienet titqies bħala mod kif “titnaddaf id-dar” mill-għajn ħażina. Kienet tiġi anke meta kien jiġi xi ħadd li kien kollu xi fama li jisħet.
Il-ħxejjex kellhom post speċjali kontra s-superstizzjonijiet
Din tas-superstizzjonijiet kienet xi ħaġa li kienu jagħtu kasha sew. Ma kienx il-lumi biss li kien jintuża kontra s-superstizzjonijiet jew għajn ħażina. Kien hemm siġar oħra bħall-Fejġel u r-Rand, li l-weraq tagħhom kienu jinżammu fid-djar. Kien hemm min jaħraq dak il-weraq. Kienu jemmnu li bih ibiegħdu l-għajn ħażina u jipproteġu lill-familja. Il-weraq tar-rand kien jintuża ukoll għalkemm il-lum naqas, biex jagħti togħma itjeb meta tagħmel patata l-forn jew mat-tin imqadded.
Kontra s-superstizzjoni kien jintuża anke il-weraq taż-Żebbuġ u l-Palm. Apparti l-importanza tagħhom fil-Ġimgħa Imqaddsa, il-weraq taż-Żebbuġ imbierek kien jinħaraq waqt maltempati qliel biex ikun hemm il-protezzjoni mis-sajjetti. Dan waqt li ma kull leħħa ta’ berqa, li wara ftit sekondi tkun akkumpanjata mill-ħoss qawwi tas-sajjetta, kien jingħad ‘Santa Barbara la deni u lanqas ħsara”.
Kultant żmien, żgur darba f’sena kienet issir it-tbaħħira. Kienet tlesti weraq taż-Żebbuġ u magħhom titfa’ xi ħxejjex oħra. Dawk il-weraq jaqbdu jibdew jagħmlu duħħan abjad u tibda timxi minn kamra għal kamra biha. Riħa taqsam ma ngħidlekx u waqt jsir dan, kien jingħad il-kliem….”San Barnabaw, San Barnabaw, jekk hawn ix-xjaten joħorġu minn hawn”. Ta’ tfal li konna kont nispiċċaw nidħlu bil-moħbi, l-aktar għas-serjetà u l-leħen għoli u sod li bih kienet tgħid dan. Twerwrek mingħajr id-daħna!
Klin, Sagħtar, Kamumilla, il-Ħlewwa u l-Bajtar tax-Xewk kienu jintużaw bħala mediċini
Kien hemm ħxejjex oħrajn li kienu jitqiesu bħala li għandhom kapaċità li jfejqu. Wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn l-użanzi kienet ġejjin minn ġenerazzjonijiet għall-oħra. Nies jgħixu f’ambjenti rurali fejn it-tobba ma konto issibhom hemm, jekk mhux fl-eqreb villaġġ.
L-aċċess faċli li llum għandna għall-mediċini moderni mhux dejjem kien hemm u għalhekk l-antiki kienu jiddependu fuq il-flora tal-kampanja għall-kura ta’ kuljum. Per eżempju kellek il-Klin u s-Sagħtar. Il-Klin kien jintuża billi jitpoġġa f’banju taż-żingu biex itaffi l-uġigħ fl-għadam jew fir-ras. Mill-banda l-oħra is-Sagħtar kien jittieħed bħala te kontra s-sogħla u l-irjiħat.
- Kellek il-Kamumilla li kienet tintuża biex ittaffi n-nefħa u l-infjammazzjoni. Pjanti bħall-Kemmun u l-Ħlewwa kienu r-rimedju ewlieni għall-uġigħ ta’ żaqq u l-indiġestjoni.
- Il-pjanta tal-Bajtar tax-Xewk, kienet tintuża ukoll billi tinqasam u titpoġġa fuq il-ġilda biex tfejjaq il-ħruq u ttaffi l-uġigħ fil-ġogi.
- Te bin-Nagħniegħ jew bil-Merqtux
- U llum, ftit li xejn tgħaddielna minn rasna li nagħmlu te bi ħxejjex partikolari. Imma kien hemm żmien fejn it-te li konna nixorbu kien ikun bin-Nagħniegħ jew bil-Merqtux. Apparti t-togħma friska li dawn kienu joffru kienu jitqiesu bħala li għandhom benefiċċju mediku. Kien jingħad li dawn jiftħu is-sider u jsaħħnu l-ġisem. Fil-każ tal-Merqtux, dan kien jitgħalla fl-ilma biex isir te sħun u miegħu jiżdied l-għasel. Kien anke jintuża biex itaffi s-sogħla, l-uġigħ fil-griżmejn, u l-imblukkar tal-imnieħer.
- Il-Ġulepp tal-Ħarrub għadu popolari
- Kien hemm ukoll il-Ġulepp tal-Ħarrub u dan għadu popolari anke llum. Filfatt dan kien rimedju popolari ħafna. Kien hemm żmien meta jinxef il-Ħarrub, fejn konna nmorru niġbru dak il-Ħarrub niexef. Ħafna drabi jkun waqa’ taħt is-siġra jew wasal bier u għalhekk kont tfafar il-friegħi u taraħ nieżel. Dan kien jittieħed kemm biex itaffi fl-uġiegħ fil-griżmejn u anke kontra l-katarru.
- Il-Basla ħdejn is-sodda…u t-tewm bħala antibijotiku
- Ħaxix ieħor li n-nies kienu jemmnu ħafna bih kien il-Basal b’mod partikolari l-aħmar. Kien hemm drawwiet fejn meta jkun hemm xi ħadd marid titpoġġa basla maqsuma ħdejn is-sodda billejl biex tgħinu jieħu nifs aħjar. Kienet titqies bħala li tgħin biex tipprevjeni l-irjiħat jekk tittiekel nejja.
- Anki t-tewm kien jitqies bħala li hu importanti ħafna u dan kien
- jittiekel nej biex iservi bħala antibijotiku naturali. Dan spiċċa anke daħal fl-espressjoni Maltija għax ngħidu ‘jinten bħat-tewm’.
Il-Weraq tar-Rand kellu tifsira simbolika
Pjanta oħra imfittxija kienet ir-Rand jew aħjar il-weraq tagħha. Ir-rand huwa magħruf għall-aroma tiegħu u għandu wkoll tifsira simbolika fil-folklor. Is-simboliżmu tiegħu jmur lura snin twal. Dan kien jintuża bħala protezzjoni mill-ħażen. Il-weraq tar-Rand jintuża biex jagħti togħma lill-istuffat, lis-sopop u lil platti oħra tradizzjonali Maltin. Minħabba t-togħma tiegħu kien jintuża anke mat-tin taċ-ċappa, meta dan jitpoġġa fil-laned. Konna nagħmlu saff tin, u warajh saff weraq tar-rand. Ir-Rand jitqies ukoll bħala simbolu ta’ għerf, unur u suċċess. Il-kuruni magħmula mill-weraq tar-rand kienu jingħataw lil poeti, rebbieħa u nies li kienu jiksbu suċċess. Dan jurik kif il-ħxejjex jew siġar madwarna seta’ jkollhom rwol importanti fil-ħajja, fit-twemmin u fit-tradizzjonijiet tal-bniedem.
Jissokta




