Mistennija żidiet fil-prezzijiet tal-ikel

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Diversi ċirkostanzi fid-dinja llum, u l-mod kif qegħdin jogħlew it-tariffi tat-trasport kemm bil-baħar kif ukoll bl-art, qegħdin joħolqu previżjonijiet li għas-sena 2027 se jkun hemm żidiet mhux żgħar fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel. Diversi kumpaniji li matul is-sena 2026 kienu aġġustaw il-prezzijiet tagħhom, issa qegħdin jgħidu b’mod ċar u tond li l-mod kif żdiedu l-ispejjeż b’rabta mat-trasport u anke minħabba sitwazzjonijiet oħra, m’għandhomx triq oħra għajr dik li jgħollu l-prezzijiet fix-xhur li ġejjin. It-tielet kwart tas-sena 2027 qiegħed jitqies bħala li fih, din il-mewġa ta’ żidiet tilħaq il-qofol tagħha.

Importatur li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “l-indikazzjonijiet għas-sena 2027 juru li l-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa x’aktarx li se jkomplu jiżdiedu, partikolarment matul l-ewwel tliet kwarti tas-sena. Kellna diversi kumpaniji li infurmawna li se jkunu qegħdin jgħolli l-prezzijiet. Kellna kumpanija ewlenija li nimpurtaha mingħandha prodotti tal-ħalib li infurmat li se tkun qiegħda tgħolli l-prezzijiet tal-jogurts u l-ħalib. Din il-kumpanija kienet diġa aġġustat il-prezzijiet.”

“Kellna kumpanija oħra li tagħmel prodotti tal-ikel bħal mayonnaise u prodotti oħra li ħabbret li se żżid il-preżżijiet fl-aħħar ta’ din is-sena u anke matul is-sena 2027. Ir-raġunijiet huma spejjeż ogħla ta’ materja prima, enerġija u trasport.  Kellna ukoll kumpanija magħrufa bħal prodotti tal-kafà u ċikkulata li infurmatna li għolliet il-prezzijeit f’ċerti kategoriji fosthom kafe u ċikkulata. Dawn issa fil-fatt ħabbruha li se jgħollu l-prezzijiet biex ikopru spejjeż ogħla.”, iddikjara l-importatur.

Ta’ min jgħid li l-Bank Ċentrali Ewropew qiegħed  jistenna li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel fiż-żona tal-ewro tilħaq madwar 3.4 fil-mija fit-tielet kwart tal-2027, qabel ma tibda tonqos gradwalment lejn it-2 fil-mija.

Il-laħam qegħdin nistennew li jogħla sew

L-istess importatur qalilna li fattur inkwetanti li naraw hu l-possibilità li l-prezzijiet tal-laħam jogħlew b’mod qawwi. “Il-possibbiltà qawwija hi li l-prezzijiet ta’ ċerti tipi ta’ laħam fl-Ewropa jibqgħu għoljin jew jogħlew matul is-sena 2027. Irrid ngħid li mhux kull tip ta’ laħam huwa mistenni jsegwi l-istess xejra. Bħalissa qegħdin niffaċċjaw tnaqqis fil-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga u tan-nagħaġ u dan qed joħloq pressjoni fuq il-provvista. Jekk nieħdu ċ-ċanġa naraw li hemm pressjoni biex din togħla fil-prezz. Laħam tan-nagħaġ ukoll hemm pressjoni biex dan jiżdied fil-prezz. Jekk nieħdu l-majjal naraw li s-suq tiegħu hu stabbli u m’hemmx pressjonijiet biex il-prezz jiżdied. Anki fejn jirrigwarda l-laħam tat-tiġieġ, hemm provvisti tajbin u għalhekk m’hemmx pressjoni. Fost ir-raġunijiet għaliex ċertu laħam jista’ jogħla fil-prezz hu minħabba nuqqas ta’ baqar u nagħaġ fl-Ewropa, għalf tal-annimali aktar għali, nixfa u temperaturi għoljin li jnaqqsu l-produzzjoni u spejjeż ogħla tal-enerġija u tat-trasport. Hu previst li l-produzzjoni taċ-ċanga fl-Unjoni Ewropea tista’ tonqos għal madwar 6.3 miljun tunnellata fis-sena 2027, minn madwar 6.335 miljun tunnellata fl-2026. Dan jista’ jkompli jżomm il-prezzijiet għoljin.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport