Eluf jattendu għall-Mixja tal-President

Aqra wkoll

Għat-tielet sena konsekuttiva, mijiet ta’ Maltin u Għawdxin laqgħu l-istedina tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u ngħaqdu magħha għall-Mixja tal-President ta’ din is-sena.

Il-Mixja tal-President għaqqdet l-eżerċizzju mas-solidarjetà u l-għaqda, hekk kif din l-attività nazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund ġabret flimkien lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, bil-preżenza wkoll tal-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Carmelo Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, kif ukoll l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna.

Dawk kollha preżenti mxew mill-bitħa tal-Palazz ta’ Sant’Anton u minn Raħal Ġdid, biż-żewġ gruppi jingħaqdu fil-Blata l-Bajda u komplew flimkien sal-Belt Valletta. Mal-wasla quddiem il-bini tal-Parlament ta’ Malta, il-parteċipanti ntlaqgħu mill-atleti ta’ Special Olympics Malta u mxew matul Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ akkumpanjati minn bandisti ta’ każini tal-banda minn Malta u Għawdex, miġbura flimkien mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Fi tmiem il-Mixja tal-President, fi Pjazza San Ġorġ, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rringrazzjat lil dawk kollha li attendew u għamlu din l-edizzjoni suċċess.

Il-President fakkret kif il-Malta Community Chest Fund ma tgħinx biss lil dawk kollha li qed jirċievu l-kura għall-kanċer, imma wkoll lil mijiet ta’ persuni oħra li qed jiffaċċjaw l-isfidi li jġib miegħu mard u kundizzjonijiet mediċi oħra. Innutat kif il-kura u t-trattament qiegħed javvanza u jiżviluppa, iżda jġib miegħu piż finanzjarju li jlaħħaq l-eluf ta’ ewro fix-xahar. Dan apparti l-isfidi soċjali u psikoloġiċi li l-mard iħalli fuq il-pazjenti u l-qraba tagħhom, u li għalihom ukoll tagħmel tajjeb il-Malta Community Chest Fund.

Il-President fakkret ukoll kif l-għada tal-Milied, imiss appuntament ieħor ta’ L-istrina, u għalhekk ħeġġet lill-familji Maltin u Għawdxin kollha biex juru s-solidarjetà tagħhom, biex ikun żgurat li dawk kollha li jirrikorru għand il-Malta Community Chest Fund isibu l-għajnuna li għandhom bżonn.

L-attività kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Kap tal-Oppożizzjoni, u l-Arċisqof ta’ Malta, li lkoll kellhom messaġġ komuni dwar l-importanza tas-solidarjetà fost il-poplu u l-apprezzament lejn il-mod kif attivitajiet nazzjonali bħall-Mixja tal-President iwasslu għall-għaqda fost il-poplu.

Fi tmiem il-Mixja tal-President, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta donazzjoni ta’ €20,000 f’isem il-Gvern mill-Fond għall-Kawżi Soċjali b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Il-Mixja tal-President saret bl-appoġġ ewlieni ta’ SportMalta u Enemed Company Ltd, kif ukoll BOV, Social Causes Fund, VisitMalta, Mapfre, BNF, Eurosport, Maypole, MyConvience, KPMG, Powerade, The Point Shopping Mall, Heritage Malta, Paradise Bay Hotel, Magic u Ponder & Pitch.

L-Uffiċċju tal-President ta’ Malta jirringrazzja wkoll lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, Transport Malta, LESA u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li ħadu ħsieb l-arranġamenti u s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li attendew.

Previous article

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport