€162.3 miljun għal infrastruttura aħjar u kwalità ta’ ħajja ogħla

Aqra wkoll

Investiment ta’ €162.3 miljun għall-2027, kważi 20 fil-mija aktar mis-sena ta’ qabel, se jkun qed isostni proġetti infrastrutturali, riġenerazzjoni urbana u inizjattivi soċjali bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-komunitajiet Maltin.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Dr Jonathan Attard, waqt id-diskors tiegħu dwar l-estimi tal-Baġit 2027, fejn saħaq li l-iżvilupp għandu jitkejjel mhux biss mill-investiment li jsir, iżda mill-impatt konkret tiegħu fuq il-ħajja tan-nies.

Fost il-proġetti ewlenin hemm it-tlestija tar-riġenerazzjoni tal-Imsida Creek, fejn it-tielet pont jinsab madwar 90 fil-mija komplut u l-proġett kollu mistenni jitlesta fit-tieni nofs tal-2027. F’Marsaskala, għaddej it-titjib tal-promenade fuq medda ta’ kilometru u nofs, b’600 metru diġà lesti, flimkien ma’ interventi biex jitjiebu l-ispazji pubbliċi u tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar.

Il-programm Vjal Kulħadd qed ikompli jagħti prijorità lil toroq aktar siguri u aċċessibbli għall-persuni mexjin u ċ-ċiklisti f’diversi lokalitajiet.

Investiment ta’ kważi €50 miljun huwa allokat għall-portijiet u l-konnettività marittima. Fost l-inizjattivi hemm is-sistema shore-to-ship power, li se tnaqqas it-tniġġis mill-vapuri waqt li jkunu rmiġġati, kif ukoll it-tħejjijiet biex din is-sistema tasal fil-Malta Freeport.

Il-Ministru enfasizza wkoll il-protezzjoni tar-residenti u l-ħaddiema. L-OHSA wettqet 21,869 spezzjoni sal-aħħar ta’ Ottubru 2026, filwaqt li b’ħidma importanti mill-istess awtorità qed jiddaħħlu miżuri li jipprovdu aktar sostenn lil ħaddiema li jkollhom jieqfu temporanjament minħabba problemi ta’ saħħa mentali jew vjolenza domestika.

Mis-sena d-dieħla, hemm ħidma għaddejja biex l-uffiċjali tal-infurzar jibdew jużaw body cameras.

Qed issir ukoll reviżjoni tal-politika DC15, magħrufa bħala DC27, li għandha l-għan li toħloq qafas aktar ċar u modern, b’aktar enfasi fuq il-kwalità tal-abitazzjonijiet, id-daqs tal-units, l-ispazji esterni, il-ġonna u l-kumdità tar-residenti.

Il-programm MySkills diġà laħaq 620 parteċipant u joffri għajnuna sa €5,000 għat-taħriġ. Żdied ukoll b’aktar minn 27 fil-mija n-numru ta’ persuni b’diżabilità f’impjieg.

Il-viżjoni li ressaq Dr Attard tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-investiment pubbliku, b’enfasi fuq infrastruttura moderna, komunitajiet aktar b’saħħithom, ħarsien tal-ħaddiema u opportunitajiet aħjar għall-familji.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport