Thursday, November 12, 2026
Home Kultura “Ilni ħamsin sena naħdem hawn… illum il-Pipa m’hawnx futur għaliha”

“Ilni ħamsin sena naħdem hawn… illum il-Pipa m’hawnx futur għaliha”

– l-aħħar ħaddiem tal-Pipa f’Malta

0
51
Ritratt: JASON GIARDINA

Il-bieb dejjem magħluq se ssibu. Biex tidħol fiha tiftiehem u jiftħulek kif għamlu lilna. Nidħlu f’dik li hi l-fabbrika tal-Pipi fil-Marsa. Xi żmien ilu, meta l-Pipa kienet fl-aqwa tagħha kienet tħaddem magħha xejn inqas minn 150 ħaddiem. Kollha jaħdmu fuq stadji differenti tal-Pipa. Tidħol u mill-ewwel jolqtuk il-magni stivati f’ringieli. Magni li għadhom jaħdmu, allavolja fuqhom tista’ tara il-marki taż-żmien. Magħhom imdendlin mal-ħajt diversi forom. 

F’rokna fit-tarf tal-fabbrika tara dawl ċkejken. Hemmhekk tara lil Lorry Zarb. Ħdejn magni għaddejjin jaħdmu b’ċertu ammont ta’ storbju.  Lorry hu l-aħħar ħaddiem f’din il-fabbrika. Miegħu għadu jġorr is-sengħa ta’ kif tinħadem il-Pipa f’pajjiżna. Pipa imfittxija għax-xogħol li fiha.  Forsi ftit jgħaddilek minn rasek l-ammont ta’ xogħol li hemm involut. Kif minn għeruq ta’ żokk, jispiċċa joħroġ dak il-prodott fin u lixx qisu irħama?  Hi s-sengħa tal-ħaddiem li minn għerq ta’ siġra joħroġ Pipa mill-isbaħ. 

Nersaq lejn Lorry u hu jibqa’ għaddej b’xogħlu. Inewwilhieli. Pipa u jgħidli ‘missha’. Nagħmel kif jgħidli u hemmhekk tara l-finezza. “Ġewwa fejn tpoġġi t-tabakk lixxa bħal barra?” Kienet il-mistoqsija tiegħi. Iweġibni, ‘le ġewwa hu differenti”. 

“Bdejt ta’ sittax-il sena hawn… il-fabbriki li konna nikkorrispondu magħhom barra kollha għalqu”

Lorry jinqala’ minn postu. Jitfi l-magni u jibda jirrakkonta. “Jien ilni naħdem hawn mindu kelli sittax-il sena. Titgħallem bl-esperjenza. Tibda ddur fuq il-magni. Jgħallmuk. Jien kien jgħallimni min kien qabli hawn. U dejjem tippratika u ġġib il-kapaċita biex toħroġ il-Pipa kif suppost għandek toħroġha. Trid tħafna esperjenza u ħafna żmien”.

Nistaqsih dwar din is-sengħa partikolari li tirrikjedi l-ħidma tal-idejn, għalkemm il-magni jgħinu ħafna biex joħroġ il-prodotti sħiħ. Lorry jgħidli li “l-esperjenza ġġibha biż-żmien. B’kollox għamilt mal-50 sena naħdem hawn”.

Il-ħsieb tiegħu idur lejn il-fatt li llum f’din il-fabbrika prattikament ma’ fadal ħadd għajr Lorry. Din is-sengħa tista’ tgħid mietet mewta naturali. Dwar dan, Lorry, li hu mill-Birgu, jgħidilna li “f’Malta bħala fabbrika sa feint naf jien din biss hawn. Hawn xi peruuni li jaħdmu xi Pipa b’mod individwali u jagħmlu dan bl-idejn. Ma jġibuhomx kif nagħmluhom hawn.”

U li s-sengħa se tispiċċa tinkwetah?… “tinkwetani u ma tinkwetanix”

Ma stajtx ma nistaqsihx dwar jekk jinkwetax li din is-sengħa, li hu ilu fiha ħamsin sena se tispiċċa tisparixxi darba għal dejjem. Lorry jħares, b’ħarsa ta’ tħassib u jgħid li “tinkwetani u ma tinkwetanix. Il-Pipa ilha m’għadhiex daqshekk popolari.  Inqatgħet qisha. Ftit hawn dilettanti tal-Pipa llum. Altura m’hawnx futur għaliha. Għalhek hawhekk ftit ftit mietet. Dan ġara mhux Malta biss. Kien hawn dak l-għidut fuq it-tabakk u għalhekk is-sengħa tal-Pipi marret lura. Marret lura kullimlien. Fabbrika  li konna nagħmlu kuntatt magħhom barra minn pajjiżna għalqu ukoll. Jibgħatulna u jgħidulna, għalaqna”. 

Din il-fabbrika li llum l-binja tagħha hi protetta, bdiet topera fis-sena 1933. L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza biex tipproteġi l-eks fabbrika tal-pajpijiet fi Triq Garrick, il-Marsa, waqt li qed tikkunsidra jekk is-sit għandux jiġi skedat bħala proprjetà protetta.

Il-miżura, ippubblikata taħt id-Development Planning Act 2016, tidħol fis-seħħ immedjatament u se tibqa’ valida għal 12-il xahar.

L-Awtorità qalet li “t-telf, jew telf parzjali, tas-sit iwassal għal telf irriversibbli ta’ element importanti tal-wirt kulturali ta’ Malta”.

Is-sit ġie wkoll ikklassifikat bħala “patrimonju f’riskju”, klassifikazzjoni li tingħata lil proprjetajiet mhedda minn deterjorazzjoni, negliġenza jew intervent mhux xieraq.

Taħt l-ordni, huma pprojbiti immedjatament demolizzjoni, skavar, żvilupp, rimi ta’ materjal, ċaqliq ta’ ħamrija u kull tibdil mhux awtorizzat.

Kull xogħol fis-sit, inkluż interventi fuq finituri interni u tagħmir, jeħtieġ approvazzjoni minn qabel tal-Awtorità tal-Ippjanar, b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here