Thursday, December 26, 2024

77 sena mit-tiġrif tal-‘Wellington’ fir-Rabat

Mietu 16-il Malti ... 72 familja spiċċaw bla saqaf

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħal lum 77 sena ilu, fir-Rabat Malta kienet seħħet it-traġedja tat-tiġrif tal-ajruplan Wellington li kien għamel ħerba sħiħ fi Triq San Publiju u l-viċinanzi. Mal-erba’ membri tal-ekwipaġġ, mietu 16-il persuna Maltija, 18-il dar ġarrbu ħsarat strutturali u 72 familja spiċċaw bla saqaf fuq rashom. It-tragedja setgħet kienet akbar għax l-ajruplan evita bi żbrixx l-iskola primarja.

Dwar din it-traġedja Pawlu Ċilia kien irrakkontalna li kienet il-mewt bikrija t’ommu li evitatilhom milli jduqu wkoll il-kruha ta’ din it-traġedja.

“Kien wara l-mewt t’ommi li mietet ta’ 31 sena li missieri kien iddeċieda li mmorru nin-ġabru man-nanna. Din kienet toqgħod fit-Triq Gużma- na Navarra, ftit toroq ’il bogħod minn fejn seħħet din it-traġedja.” Għal Paul il-ġurnata tal-5 t’April tas-sena 1946 hija ġurnata li mhux faċli jinsiha. Dan peress li kien ftit żmien wara li spiċċat il-gw- erra u Malta kienet għadha bażi militari u navali, il-preżenza ta’ numru t’ajruplani jduru fuq gżirit- na kienet xi ħaġa kompletament normali.

“Dak iż-żmien ajruplani tas-servizzi kien hawn kemm trid. Infatti kien hawn tliet ajrupor- ti. Kien hawn dak ta’ Ħal Luqa, dak ta’ Ta Qali u ieħor f’Ħal Far.”
L-ajruplan bomber Vickers Avro Wellington kien telaq mill-mitjar ta’ Ħal Far. L-ajruplan kellu jieħu sehem f’titjira ta’ taħriġ ma’ ajruplan tat-tip Spitfire u li kien fih erba’ persuni abbord.

Paul Ċilia kien qalilna li “Niftakar li kien għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu. Dik il-ħab- ta kelli madwar 14-il sena. Kont l-Imdina qed nieħu l-privat għand is-Sur Schembri peress li kont wasalt biex nagħmel l-eżami biex nidħol naħdem id-Dockyard. Waqt il-lezzjoni kienet ġiet mara tkellem lill-għalliem f’widnejh. Kien waqqaf il-lezzjoni u qalilna li aħjar immorru lejn id-dar. Niftakar li x’ħin kważi wasalt fejn id-dar waqqfitni waħda mill-ġirien u qaltli li kien għadu kemm waqa’ ajruplan. Infatti x’ħin wasalt fejn l- Isptar Santu Spirtu rajt l-ewwel midruba. Inzertajt kont nafha. Sfortunatament kienet mietet jumejn wara.”

“Peress li l-ajruplan iġġarraf ftit passi ’l bogħod mill-iskola fejn dak il-ħin kien hemm madwar 1,200 student, kien qam paniku kbir fost il-ġenituri ta’ dawk it-tfal li kienu l-iskola. Barra minn hekk in-nirien kbar li ħakmu l-inħawi ta’ fejn waqa’ l-ajruplan kienu xi ħaġa tal-biża’. In-nirien ikkawżati mill-aviation fuel kienu enormi tant li l-ġebel tal-bini dam jikwi sa filgħaxija.” Wara ftit tal-ħin bdiet tasal l-ewwel għajnuna. Jiftakar li kienu mijiet in-nies li ħadu sehem biex jagħtu l-għajnuna.

Fost dawn kien hemm nies tas-serviz-zi Ingliżi mill-militar ta’ Ta’ Qali, pompieri mit-Tarzna Navali, skwadra mid-Dipartiment tal-Gvern imsejħa Tad-Demolition kif ukoll saċerdoti mill-parroċċa ta’ San Pawl, li kienu fost l-ewwel li waslu fuq il- post.

Jiftakar bl-eżatt fejn bdew jieħdu lil dawk feruti. “Ħafna mill-feruti bdew jinżammu fl-isptar Santo Spirto ftit passi bogħod mid-dar tagħna. Madankollu l-vittmi ttieħdu fl-isptar Vincenzo Bugeja f’Santa Venera, li r-rapporti minn dan l-isptar kienu jgħidu li l-anqas fl-aqwa u fl-eħrex tal-gwerra m’assistew għal xeni terribli ta’ tant iġsma mbiċċra.”

Bi preċiżjoni Paul jiftakar li l-funeral tal-maġġoranza tal-vittmi sar nhar is-7 ta’ April li kien inzerta ħabat Ħadd il-Palm. “Jien flimkien ma’ sħabi tampari nsistejna li nerfgħu t-tebut ta’ Karmenu Vella. Kien daqsi fl-età u ħabib sinċier, żagħżugħ tassew kwiet u li kien instab maħruq fil-kantina flimkien m’ommu u ħuh.” Mill-banda l-oħra l-funeral tal-erba’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan Wellington sar l-għada fiċ-Ċimiterju Navali f’Bighi, fil-Kalkara, akkumpanjat minn stakkament ta’ baħrin mill-mitjar ta’ Ta’ Qali.

Ekonomija

Sport