Tuesday, May 14, 2024

Malta bl-akbar tkabbir fl-impjiegi fl-Ewropa

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fil-perjodu bejn l-2020 u l-2022, Malta esperjenzat l-akbar żieda fl-impjiegi fl-Ewropa. Dan hekk kif kien hemm qabża ta’ 10%, li jfisser li Malta kellha l-iktar irkupru b’saħħtu f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tax-xogħol fost is-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Dan intqal mill-ekonomista tal-Istitut tal-Affarijiet Internazzjonali u Ewropej (EEIA) Dan O’Brien, f’seminar organizzat mill-Malta Enterprise dwar l-isfidi ta’ kompetittività fl-Ewropa bit-titlu: “Is-Suq Waħdieni f’Riskju’’ nhar il-Erbgħa li għadda.

O’Brien qabbel ukoll it-tkabbir ekonomiku ras għal ras ta’ Malta u l-Italja u qal illi Malta saħansitra qabżet l-Italja u juri kif l-andament ekonomiku ta’ Malta huwa wieħed b’saħħtu ħafna. Qal illi bir-regoli tagħha, l-Unjoni Ewropea xorta qed tkun kompetittiva mal-bqija tad-dinja, fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ liġijiet iktar miftuħin għall-assistenza tal-istat li daħlu fis-seħħ fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina fost l-oħrajn.

F’intervista ma’ Talk.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal illi dan juri li Malta għalhekk irnexxielha tadatta malajr għall-isfida tal-pandemija u rnexxielha tassisti permezz ta’ diversi għajnuniet fin-negozji sabiex b’hekk l-irkupru ekonomiku ta’ Malta kien fost l-aqwa fl-Ewropa. Minkejja dan kollu, hemm ċertu sfidi ta’ kompetittività ġejjin minn sitwazzjoni globali mwiegħra.

Huwa sostna li l-maġġorparti tan-negozji f’Malta huma intrapriżi żgħar u medji u li meta wieħed iħares lejn il-bqija tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea, l-kumpaniji Maltin huma żgħar. Dan minħabba li l-Ewropa tqis kumpanija ta’ iktar minn 250 impjegat bħala kumpanija kbira. Dan ifisser li kumpanija f’Malta li tħaddem 500 ruħ titqies kbira daqs kumpaniji Ewropej li jħaddmu għexieren ta’ eluf. Dan qed iwassal biex jinħoloq żbilanċ kompetittiv għal iktar minn 98 fil-mija tal-kumpaniji lokali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise qal li wieħed irid ipoġġi kollox f’dan il-kuntest u li jkunu jafu ukoll sfidi oħrajn li ġejjin mill-fatt li pajjiż bħal Malta jinsabu fil-periferija tal-Ewropa hija gżira. Żied jgħid li l-fokus prinċipali ma għandiex tkun biss fuq il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, iżda anki fuq il-ħarsa lejn in-negozji żgħar u medji (SMEs) fl-Unjoni Ewropea li qegħdin jitħabtu. Skontu Malta qiegħda tipprova tikseb kundizzjonijiet ugwali għal stati u kumpaniji iżgħar.

Fid-dibattitu li sar waqt is-seminar, Farrugia sostna li l-Unjoni Ewropea wriet li meta jkun hemm żmien ta’ kriżi, din tista’ tirreaġixxi malajr – kif sar waqt il-pandemija u anke issa waqt il-kriżi bil-gwerra fl-Ukrajna. Irrimarka iżda li din it-tip ta’ flessibiltà għandha tintwera wkoll ma’ pajjiżi illi għandhom sfidi li ġejjin min-natura tal-pajjiż inniffsu, bħal fil-każ ta’ Malta u li allura, il-mudell ta’ ‘one size fits all’ li ħafna drabi taddatta l-UE, jista’ jkun ma tgħoddx għal kulħadd.

Pajjiżna jiddependi ħafna fuq it-trasport u loġistika

F’dan ir-rigward hu qal li pajjiżna jiddependi fuq it-trasport, speċjalment fejn jidħol l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-esportazzjoni. Stqarr li huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, fejn wieħed jara fejn jeżistu n-nuqqasijiet u l-iżvantaġġi u sabiex tintuża l-għajnuna statali u l-forom ta’ sussidji biex Malta jkollha kundizzjonijiet ugwali.

Żied jgħid li t-tbaħħir ta’ prodotti minn Malta lejn l-Istati Uniti huwa aktar għoli mit-tbaħħir minn Malta lejn l-Italja jew il-Ġermanja u mbagħad l-Italja u l-Ġermanja tbaħħar lejn l-Istati Uniti li jindika li hemm falliment tas-suq fir-rigward tal-ispejjeż tat-trasport għall-pajjiżi fil-periferija.

Preżenti fl-istess seminar organizzat mill-Malta Enterprise kien hemm diversi kelliema. Fid-diskors tiegħu, Dan O’Brien għamel mistoqsija lil dawk kollha li kienu preżenti dwar jekk tistax tinżamm l-integrità tas-suq, meta jkun hemm eċċezzjonijiet. Spjega li Malta kellha din il-kwistjoni meta qieset jekk tingħaqadx parti mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri tiftaħ għall-kompetittività u ma tkunx tista’ tipprovdi għajnuna mill-istat.

Min-naħa tagħha, Marthese Portelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta tkellmet fuq il-fatt li Malta għandha biss żewġ għażliet. Hija qalet li tixtieq tistieden lill-Kummisjoni tal-Unjoni Ewropea sabiextkejjel l-istabbiltà finanzjarja ta’ kull pajjiż, minħabba l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar Malta hija stat fih innifsu.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli sostniet li Malta hija Stat Membru żgħir li jinsab fil-periferija tas-suq uniku b’ekonomija miftuħa li tagħmilha suxxettibbli għall-iżviluppi internazzjonali kemm ekonomikament kif ukoll ġeopolitikament. Qalet ukol li bil-klima ta’ investiment, ħiliet u nies it-tajba nistgħu nagħmlu transizzjoni pożittiva li jfisser li se jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Sport