Thursday, May 9, 2024

Żewġt irġiel jinżammu arrestati wara li allegatament difnu persuna ħajja f’ċimiterju fil-Brażil

Aqra wkoll

Minn tal-inqas żewġt irġiel, wieħed t’20 sena u l-ieħor ta’ 22 sena, qed jinżammu arrestati wara li allegatament difnu mara ħajja f’ċimiterju fil-Brażil. Din mhix l-ewwel darba li dawn iż-żewġ persuni xellfu difrejhom mal-Pulizija; fil-passat kienu arrestati u akkużati fuq traffikar ta’ drogi u armi.

Intqal li mara ta’ 36 sena u omm ta’ erbat itfal, flimkien ma’ żewġha ġew aggrediti f’darhom stess fit-28 ta’ Marzu li għadda. Żewġha rnexxielu jaħrab filwaqt li l-mara waqgħet vittma tagħhom. L-aggressuri telquha f’qabar ff’Visconde do Rio Branco Municipal Cemetery fl-istat ta’ Minas Gerais.

Il-mara qalet lill-Pulizija li dan seħħ wara li hi nsiet fejn poġġiet id-drogi u l-armi li kienet qed iżżommilhom fid-dar tagħha.

Il-midja Ingliża Metro rrappurtat li l-mara qattgħet għaxar sigħat sħaħ taħt l-art qabel ma ddeffiena nnotaw siment u demm frisk ħdejn il-qabar tagħha. Is-suspetti tagħhom ma damux wisq biex ġew konfermati, hekk kif semgħu ħsejjes ġejjin minn taħt l-art ta’ mara tibki u ssejjaħ għall-għajnuna.

Id-deffiena immedjatament infurmaw lill-Pulizija bil-każ kif ukoll issejjaħ tim mediku mill-Emerġenza. Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet xi ġrieħi f’rasha u tinsab f’riskju li titlef saba’ minnhom. Dan ikkonfermah id-Direttur tal-Isptar João Batista f’kumment li ta lill-midja Brażiljana.

Is-suspettati se jibqgħu fil-kustodja tal-Pulizija għal 30 jum sakemm ma jibda jinstema’ l-każ il-Qorti. L-awtoritajiet tal-lokal qalu li bħalissa għaddejjin bi tfittxija għal persuna oħra suspettata b’rabta ma’ dan il-każ.

Sport