Wednesday, July 24, 2024

77 skola mogħtija rikonoxximent għall-isforzi biex inisslu rabta bejn it-tfal u n-natura

Aqra wkoll

Iċ-Ċerimonja tal-Premjijiet Dinja Waħda 2023, li tiċċelebra s-suċċess tas-sena skolastika 2022/2023, ġiet organizzata matul dan ix-xahar. Matulha , 77 skola minn madwar Malta u Għawdex iċċelebraw il-kisbiet eċċellenti tagħhom biex jgħaqqdu lit-tfal man-natura permezz tal-programm ta’ edukazzjoni ambjentali Dinja Waħda ta’ BirdLife Malta li huwa mifrux fil-gruppi kollha tas-sena mill-istudenti tal-Kinder sa dawk tas-Sekondarja.

Għal sena oħra, il-BOV kien kollaboratur kburi f’din l-inizjattiva edukattiva fis-settur tal-ambjent. Fil-preżent, aktar minn qatt qabel, il-Bank qed jagħti prijorità lill-ambjent li ngħixu fih. It-tama hija l-kelma ewlenija fejn jidħlu programmi bħal Dinja Waħda; il-BOV jemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex il-ġenerazzjonijiet li tilgħin jibdlu l-kors biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Bħala parti mill-istrateġija tiegħu dwar l-ESG, il-Bank huwa konxju li l-ambjent mhux biss huwa għodda li jgħin kemm lis-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali, iżda huwa komponent kruċjali fid-dinja ta’ madwarna. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn, il-BOV ikompli jeduka, iħares u jikkonserva l-wirt ambjentali ta’ pajjiżna.

Din iċ-ċerimonja mmarkat ukoll it-tnedija ta’ sena skolastika ġdida (2023/2024) fejn ġiet varata -Gwida ta’ Azzjoni ġdida ta’ Dinja Waħda, li tifforma parti mill-impenn ta’ BirdLife Malta biex tipproteġi l-ħajja selvaġġa u l-ħabitats tagħha permezz ta’ attivitajiet ta’ tagħlim ibbażati fuq in-natura. Il-programm jitmexxa b’kollaborazzjoni mal-BOV u d-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar.

Il-premjijiet waqt iċ-ċerimonja ġew ippreżentati lill-iskejjel rispettivi mill-President ta’ BirdLife Malta, Darryl Grima, u minn Francesco Grech, li jifforma parti mit-tim tas-CSR fi ħdan il-BOV. Charles Azzopardi, Kap tas-CSR fil-BOV u l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana attendew għal din l-attività.

Il-BOV u BirdLife Malta ferħu lill-iskejjel kollha parteċipanti għax-xogħol iebes u l-impenn li wrew biex jimplimentaw il-Program. Huma rringrazzjaw ukoll lill- koordinaturi ta’ Dinja Waħda li jiżguraw it-tmexxija tal-programm fl-iskejjel tagħhom u jkunu ta’ sostenn għall-għalliema b’mod volontarju. Mingħajr dawn il-koordinaturi, it-tfal ma jkunux jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet, l-għarfien, u l-valuri biex jipproteġu l-ambjent promoss permezz tal-programm Dinja Waħda.

Ekonomija

Sport