Friday, May 3, 2024

77 skola ppremjati talli qarrbu lit-tfal lejn in-natura 

Issir iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni tal-programm Dinja Waħda 2023 ta’ BirdLife Malta fix-Xara Lodge

Aqra wkoll

77 skola madwar Malta u Għawdex iċċelebraw il-kisbiet eċċezzjonali li qed jagħmlu fil-ħidma tagħhom biex iqarrbu lit-tfal lejn in-natura permezz tal-programm ta’ edukazzjoni ambjentali Dinja Waħda ta’ BirdLife Malta li huwa mifrux fost l-istudenti tal-etajiet kollha fl-iskejjel mill-Kinder sas-Sekondarja. 

Iċ-Ċerimonja tal-Premjazzjoni tal-programm Dinja Waħda għall-2023, li ċċelebrat is-suċċess tas-sena skolastika 2022/2023, saret aktar kmieni llum fil-Minstrel’s Hall, fix-Xara Lodge, ir-Rabat. 

Fis-settur tal-Primarja 53 skola ġew ippremjati bil-Gold Award, sitt skejjel irċivew is-Silver Award, tliet skejjel ħadu l-Bronze Award, u 11-il skola ngħataw Ċertifikat. Tliet skejjel ġodda rċivew il-Blue Banner – award għal skejjel li jkunu rebħu l-Gold Award għal tliet snin wara xulxin. Fis-settur tas-Sekondarja, tliet skejjel rebħu l-Gold Award, u skola waħda rebħet il-Bronze Award. 

Matul is-sena skolastika 2022/2023 it-tim tal-edukazzjoni tagħna laqa’ 5,652 student għal field visits fir-Riservi Naturali tagħna tas-Simar, il-Foresta 2000, l-Għadira u s-Salina. Ta’ sodisfazzjon ukoll għalina kien li naraw li 37 skola rrappurtaw li organizzaw attivitajiet u kellhom rispons pożittiv għall-aktar inizjattiva riċenti li nidejna, id-Dinja Waħda Action Guide. 

Iċ-ċerimonja ta’ dalgħodu ċċelebrat ukoll it-tnedija ta’ sena skolastika ġdida (2023/2024) li matulha se ssir it-tranżizzjoni sħiħa għall-Action Guide l-ġdid tal-programm Dinja Waħda, li jifforma parti mill-impenn ta’ BirdLife Malta biex tħares in-natura u l-ħabitati tagħha permezz ta’ attivitajiet ta’ tagħlim barra 

mill-klassi. Il-programm jitmexxa b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar u għandu l-appoġġ tal-imsieħba tagħna fil-qasam edukattiv, il-Bank of Valletta. 

Mument ieħor importanti waqt l-attività tal-lum kienet il-preżentazzjoni tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-iskema Ġonna Dinja Waħda, li permezz tagħha spazji ħodor fl-iskejjel qed jinbidlu biex jattiraw aktar ħajja naturali bl-għajnuna ta’ BirdLife Malta. Din is-sena seba’ Ġonna Dinja Waħda gawdew minn appoġġ addizzjonali fil-forma ta’ tim ġdid tal-manutenzjoni li huwa ffinanzjat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). 

Il-premjijiet matul iċ-ċerimonja tqassmu lill-iskejjel mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima u Francesco Grech, mit-tim tas-CSR tal-Bank of Valletta (BOV) fil-preżenza tal-Kap tas-CSR u l-Komunikazzjoni tal-BOV Charles Azzopardi u l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana. 

F’kummenti dwar iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ta’ din is-sena, l-Education Manager ta’ BirdLife Malta Stefania Papadopol qalet: “Huwa unur kbir għalina li naħdmu ma’ tant skejjel iddedikati. Aħna nimtlew bit-tama meta nisimgħu u naraw tfal igawdu u jitgħallmu dwar in-natura, u aktar importanti minn hekk, jieħdu passi biex iġibu lura n-natura fl-iskejjel. It-tama hija element importanti fi żminijiet bħal dawk li qed ngħixu llum meta l-ambjent naturali tagħna qed jiffaċċja ħafna sfidi, imma minkejja f’dan l-għalliema u l-istudenti jirnexxilhom juruna li l-bidla hija possibbli.” 

BirdLife Malta tifraħ lill-iskejjel kollha li pparteċipaw u tirringrazzjahom tax-xogħol kbir li għamlu din is-sena u trodd ħajr b’mod speċjali lill-koordinaturi tal-programm Dinja Waħda li jieħdu ħsieb it-tmexxija tal-programm fl-iskola tagħhom u jappoġġjaw lill-għalliema b’mod volontarju. Mingħajr dawn il-koordinaturi, it-tfal ma jkunux jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet, l-għarfien u l-valuri li jħarsu l-ambjent; li jinkisbu permezz tal-parteċipazzjoni fil-programm Dinja Waħda. 

Nixtiequ nroddu ħajr ukoll lill-BOV għas-sapport kontinwu tiegħu bħala s-sieħeb edukattiv u l-isponsor uffiċjali tal-programm, kif ukoll lill-ERA għall-impenn tagħha fejn għandu x’jaqsam mal-Ġonna Dinja Waħda. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport