Monday, May 6, 2024

IPPJANAR

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Illum uħud qed jilmentaw li mhux qed isir ippjanar fit-tul ekonomiku u soċjali. Naqbel li dan hu meħtieġ. Is-sabiħa hi li l-istess nies iwaħħlu fl-amministrazzjoni soċjalista għal dan in-nuqqas.

Issa jien niftakar kif fi żmien meta amministrazzjonijiet soċjalisti kienu joħorġu bil-pjani tagħhom ta’ żvilupp, kienu jiġu akkużati li qed jipproġettaw viżjoni “komunista” ta’ kif titmexxa ekonomija. Għax din trid titħalla tiġi ggwidata mis-suq, u s-suq ħieles ma jobdi għall-ebda pjan… Ħalliha li qabel, anke gvernijiet Nazzjonalisti kienu ppublikaw pjani ta’ żvilupp ekonomiku.

Imbagħad kif kienet il-prattika dak iż-żmien, wieħed kien jistenna li l-gvern Nazzjonalista tas-snin 1987-1992 se joħroġ bħal ma għamlu ta’ qablu, bi pjan għas-snin li ġejjin.

Bħala deputat tal-Oppożizzjoni, fl-1989 saqsejt fil-Parlament meta se jiġi pubblikat il-pjan ta’ żvilupp li jmiss. Il-gvern Nazzjonalista wieġeb: Mhux se jiġu publikati aktar pjani. Ma jagħmlux sens, ma jwasslu imkien f’qafas fejn is-suq ħieles jiggwida kif jinvestu u jaħdmu n-nies. L-ippjanar spiċċa żmienu.

Sal-lum, bqajna fuq dak il-binarju.

KREDTU

L-impenn ta’ gvern għas-solidarjetà soċjali hu wieħed li jagħmel id-differenza fost dawk iċ-ċittadini li jeħtieġu l-aktar appoġġ fis-soċjetà. Sa fejn gvern ikun lest li jwassal dis-solidarjetà jimmarka l-karattru tal-amministrazzjoni li tinsab fil-kariga.

Jidhirli li mhux jingħata biżżejjed kredtu lill-gvern għal dan l-impenn lejn is-solidarjetà soċjali. La minn dawk li jikkritikawh, forsi anke minn fost dawk li jappoġġjawh.

Bħal kull amminisrazzjoni oħra, l-gvern Laburista ta’ Robert Abela jista’ jiġri kkritikat fuq numru ta’ fronti. Imma dwar is-solidarjetà soċjali, baqa’ juri konsistenza u perseveranza.

ĠONNA?

Ikun żball jekk l-isfida tal-ħarsien tal-ambjent naturali tal-pajjiż tiġi ridotta għall-kwistjoni ta’ kif se jinbnew aktar ġonna publiċi fl-inħawi urbanizzati. Aktar u aktar jekk dan jispiċċa eżerċizzju li bih nibnu toroq ġodda għall-karozzi minn “taħt” u ġonna minn “fuq”. 

F’eżerċizzju ta’ dat-tip, l-aqwa flejjes se jintefqu fuq it-triq minn taħt mhux fuq il-ġonna minn fuq.

Jekk sadattant l-artijiet fejn ma jistax isir żvilupp jibqgħu jittieklu, għal raġuni jew oħra, inkunu qed nagħżqu fl-ilma. Jekk il-ħidma ta’ afforestazzjoni ma titmexxiex b’impenn kostanti ma nafx kif nistgħu nilħqu l-miri ambjentali li lkoll nemmnu fihom. Jekk il-programmi ta’ appoġġ favur il-biedja ma jirriżultawx f’użu dejjem akbar tal-art għat-tkabbir ta’ uċuh meħtieġa, kif se nsostnu l-appoġġ għall-ħarsien tal-art li m’għandhiex titħalla għall-bini?

Fil-qasam ambjentali, neħtieġu azzjoni li tmur lil hinn mit-tfassil ta’ ġonna publiċi ġodda u li tiffoka b’mod dettaljat u ħaj fuq kif se nippreżervaw l-ambjent naturali li baqagħlna.

Sport