Monday, May 6, 2024

L-MPE Agius Saliba jikteb lill-KE dwar l-impatt tal-‘Mobility Package’ fuq il-konsumatur u b’appoġġ għall-pożizzjoni tal-gvern Malti

Aqra wkoll

F’ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u lill-kollegi tagħha, l-MPE Laburista Alex Agius Saliba talab lil Kummissjoni sabiex tagħti widen għall-opinjoni tal-Avukat Generali tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea Giovanni Pitruzzella. L-Avukat Pitruzzella ta’ parir li l-Kummissjoni tilqa’ t-talba ta’ Malta u tneħħi l-obbligu li vetturi li jġorru merkanzija jirritornaw fil-pajjiż fejn huma reġistrati kull tmien ġimgħat.

“Tlabt lill-President tal-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-effetti tal-pakkett il-ġdid ta’ regoli rigward it-trasport, l’hekk imsejjaħ “Mobility Package” stqarr l-MPE” Agius Saliba nnota li fid-dawl taċ-ċirkustanzi ġeografiċi u l-infrastruttura marittima eżistenti, l-obbligu li vetturi tal-merkanzija reġistrati Malta jiġu misjuqa lura lejn pajjiżna kull tmien ġimgħat se tħalli effett negattiv fuq l-ambjent, fuq is-settur tat-trasport fuq l-ekonomija tagħna.

“Sostnejt li, kif qal l-Avukat Ġenerali, l-Kummissjoni għandha minnufih tħassar dawn l-obbligi għaliex il-konsegwenzi negattivi se jsofrihom il-konsumatur Malti permezz ta’ żieda fil-prezzijiet tal-ikel” saħaq l-MPE Agius Saliba. L-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea qabel mal-opinjoni ta’ Agius Saliba u nnota li l-miżura se teffetwa l-kwalita’ ta’ għixien u impjiegi f’Malta.

L-MPE jkompli jżid “S’issa la l-Kummissjoni u lanqas il-Parlament Ewropew ma kkunsidraw l-impatt negattiv ta’ din il-miżura, bħal żieda fl-emmissjonijiet u l-konsum tal-fuel, iż-żieda konsegwenzjali fil-prezzijiet tat-trasport u, għalhekk, iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti mħallsa mill-konsumatur.” L-impatt huwa ikbar peress li l-prodotti mixtrija f’Malta jgħaddu minn katina ta’ trasport twila qabel ma’ jaslu għand il-konsumatur. Għalhekk, l-operat tas-settur tat-trasport fit-tul huwa kruċjali għat-tħaddim tal-ekonomija tagħna. “Il-Kummissjoni trid tifhem l-importanza li dan is-settur ikompli jaħdem mingħajr xkiel” kompla jgħid l-MPE.

L-MPE osserva wkoll li Malta, gżira f’nofs il-Mediterran u Stat Membru, tiddependi b’mod sostanzjali mill-użu ta’ rotta waħda ta’ trasport fuq l-art fit-tul sabiex tkun tista taċċessa s-swieq tal-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra. Din ir-rotta tintuża kemm għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni minn konsumaturi, ħaddiema u negozji ta’ kull daqs. Agius Saliba tenna jgħid “Il-‘Mobility Package’ huwa eżempju ċar għaliex il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis il-ħtieġa ta’ reġjuni remoti, partikolarment gżejjer li huma Stati Membri fit-tfassil tal-liġijiet u l-proċessi amministrattivi. Dawn ir-reġjuni jsofru minn żvantaġġi permanenti li jridu jiġu meqjusa f’kull stadju ta’ kull proċess”.

Sport