Disgħa u sebgħin fil-mija tal-investituri jikkunsidraw lil Malta bħala attraenti għall-investiment dirett barrani (FDI). Dan juri żieda sostanzjali ta’ 25% fuq is-sena li għaddiet.
Dan joħroġ minn studju li sar mill-kumpanija Ernst and Young (EY) li wera kif dan it-titjib irreġistrat jirrappreżenta rkupru fis-sentiment meta mqabbel mal-aħħar snin u jenfasizza l-fiduċja f’Malta bħala post b’ambjent stabbli għan-negozju.
Il-parti l-kbira ta’ dawk li rrispondew poġġew ir-reġim tat-taxxa ta’ Malta, l-istabbilità soċjali u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni bħala l-fatturi ewlenin li jappoġġjaw l-investiment.
Min-naħa l-oħra, l-investituri semmew in-nuqqas ta’ ħiliet, l-ispiża tal-kompetittività u r-restrizzjonijiet infrastrutturali f’ċertu oqsma li jinħtieġu aktar attenzjoni għal aktar tkabbir fil-futur.
It-turiżmu u d-divertiment (70%) il-gaming (58%), il-pagamenti u fintech (48%) u l-Intelliġenza Artifiċjali (47%) kienu identifikati bħala s-setturi bl-akbar prospetti ta’ tkabbir matul il-ħames snin li ġejjin.
L-Intelliġenza Artifiċjali, b’mod partikolari, hi meqjusa wkoll bħala fattur ewlieni għall-kompetittività fil-futur, b’42% tal-kumpaniji mistħarrġa jippjanaw investiment f’inizjattivi relatati mal-AI.
Barra minn hekk, 90% tal-kumpaniji FDI qed jippjanaw li jżommu jew jespandu l-operat tagħhom f’Malta matul is-sena li ġejja, b’5% biss qed jippjanaw li jnaqqsu l-operat.
Għal aktar ’il quddiem, 61% tal-kumpaniji qed jippjanaw li jżommu l-preżenza tagħhom f’Malta matul l-għaxar snin li ġejjin, li jimmarka tnaqqis ta’ disgħa fil-mija meta mqabbel mal-istħarriġ tal-2024. Dan kien attribwit għal aktar kawtela mill-investituri fi sfond ta’ inċertezza globali.
“L-investituri qed jirrikonoxxu l-istabbiltà tal-pajjiż u l-kontinwità fil-politika. Iżda l-messaġġ hu ċar – il-kompetittività fit-tul se tiddependi fuq investiment kontinwu fil-ħiliet, l-infrastruttura u l-kapaċità fit-twettiq,” qal Ronald Attard, EY Malta Country Managing Partner waqt il-konferenza Malta: Future Realised 2025 organizzata minn EY.
Attard enfasizza wkoll fuq l-importanza li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet strutturali li jistgħu jillimitaw it-tkabbir, sabiex ikun żgurat li l-pajjiż jibqa’ kompetittiv fi ħdan ix-xenarju tal-investiment Ewropew.