Tuesday, April 30, 2024

8 snin ħabs wara li sabulu kapsuli bil-kokaina fl-intern tiegħu

Aqra wkoll

Olandiż ta’ 65 sena ntbagħat 8 snin ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi importata f’pajjiżna d-droga kokaina. Huwa nstab ħati wkoll b’importazzjoni u l-pussess tad-droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Il-każ imur lura għas-6 ta’ Jannar 2022. Mill-Att tal-Akkuża ħareġ li fl-istess kuntest ta’ żmien waqt li l-akkużat Alphonsus Romeo Emanuels kien qiegħed Rotterdam fl-Olanda huwa ġie avviċinat minn persuna li offrietlu l-flus sabiex idaħħal hawn Malta d-droga kokaina. 

Eventwalment, l-akkużat aċċetta l-proposta u b’hekk sar parti minn ftehim dwar kif din id-droga kellha tiġi importata u sussegwentement ittraffikata hawn Malta. Intqal li skont dan il-ftehim, l-akkużat kellu jdaħħal hawn Malta l-kokaina fl-ammont ta’ 275 gramma, li kellha tkun imqassma fi 18-il kapsula. Ta’ dan kollu huwa kien se jitħallas €1,000. 

Skont l-istess pjan, l-akkużat kellu jiltaqa’ ma’ din il-persuna f’Amsterdam sabiex jgħaddilu l-imsemmija kapsuli u jdaħħalhom fil-kavità anali tiegħu. Bħala parti minn dan il-pjan, din il-persuna kellha twassal lill-akkużat sal-ajruport fi Brussell, il-Belġju, sabiex minn hemm jaqbad titjira diretta għal Malta.

Mal-wasla tiegħu f’pajjiżna, l-akkużat kellu jċempel lil din il-persuna li għaddietlu d-droga sabiex tibagħtlu lil xi ħadd bil-karozza l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Minn hemm, l-akkużat kellu jittieħed f’post sabiex joħroġ dawn il-kapsuli bid-droga mill-warrani tiegħu.

Il-ftehim kien jipprovdi li l-akkużat kellu jagħmel kuntatt ma’ xi persuna li kellha tagħmillu sinjal sabiex huwa jgħaddilha l-imsemmija kapsuli u mbagħad din l-istess persuna kellha tgħaddilu l-€1,000 fi flus kontanti. 

Madanakollu, mal-wasla tiegħu f’pajjiżna, l-akkużat sab jistennewh xi uffiċjali tal-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u dan minħabba informazzjoni kunfidenzjali li kienu rċevew, li huwa kien se jdaħħal id-droga hawn Malta. Huwa eventwalment kien arrestat minħabba suspett li kien qed iġorr id-droga.

Sussegwentement, l-akkużat ittieħed fl-Isptar Mater Dei fejn hemmhekk sarulu CT Scan u X-Ray. Minn dawn it-testijiet irriżulta li l-akkużat kien qed iġorr fl-intern tiegħu 18-il kapsula. Fil-fatt, huwa nżamm fl-imsemmi sptar fil-preżenza tal-pulizija fejn eventwalment ħareġ dawn il-kapsuli mill-warrani tiegħu, liema kapsuli kienu jikkontjenu sustanza ta’ lewn abjad suspettata droga kokaina. 

Minn eżamijiet ulterjuri li saru minn espert forensiku maħtur mill-Qorti rriżulta li din is-sustanza kienet kokaina b’piż ta’ 275.67 grammi b’purità medja ta’ 33% u b’valur fis-suq stmat fl-ammont ta’ €17,643.

L-għada, nhar is-7 ta’ Jannar 2022, l-akkużat irrilaxxa stqarrija lill-Pulizija fejn stqarr li din ma kinitx l-ewwel darba li assoċja ruħu ma’ persuni oħra sabiex tiġi importata d-droga kokaina hawn Malta. Fil-fatt, l-akkużat stqarr illi din il-biċċa xogħol kien diġà għamilha darbtejn oħra qabel. 

Qal li l-ewwel darba li kien ftiehem biex jimporta l-kokaina hawn Malta kien f’Ottubru tal-2021, liema ftehim kien sar mal-istess persuna li avviċinatu sabiex jimporta dawn l-imsemmija 18-il kapsula. 

Skont dak il-ftehim, l-akkużat kien aċċetta li jimporta l-kokaina f’ammont simili għal dak li importa f’Jannar tal-2022 u ta’ dik il-biċċa xogħol kien ftiehem li kellu jitħallas is-somma ta’ €1,000 fi flus kontanti. 

L-akkużat stqarr ukoll li t-tieni darba li ftehim biex idaħħal id-droga f’Malta kien f’Diċembru tal-2021, iżda dik id-darba l-ammont ta’ droga li ftiehem li jimporta kien dak ta’ 400 gramma u ta’ dan kellu jitħallas €1,600.

Huwa għalhekk kien ammetta li f’temp ta’ erba’ xhur kien hemm tliet okkażjonijiet fejn assoċja ruħu ma’ persuni oħra sabiex tiġi importata hawn Malta d-droga kokaina għal skopijiet ta’ traffikar, bl-ammont totali tad-droga kien dak ta’ 951.34 grammi. 

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera semgħet kif id-Difiża u l-Prosekuzzjoni qablu fir-rigward tal-piena li kellha tingħata lill-akkużat. Rat ukoll il-ġurisprudenza lokali kif ukoll dik ta’ barra minn xtutna firrigward tal-piena inflitta meta persuna tagħmel ammissjoni bikrija. 

Il-Qorti qalet li tħoss li f’dan il-każ partikolari kellha taderixxi għat-talba konġunta magħmula f’Marzu tal-2022 u kkundannat lill-ħati għal piena ta’ tmien snin priġunerija effettiva flimkien ma’ multa ta’ €20,000 li jekk ma titħallasx fil-ħin tiġi konvertita f’sena priġunerija. Huwa kien ordnat ukoll sabiex iħallas is-somma ta’ €1,688 fi spejjeż tal-Qorti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport