Wednesday, April 24, 2024

80 membru tal-Baden Powell Scout Group Żebbuġ ibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli

Aqra wkoll

Permezz ta’ għajnuna mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, il-Baden Powell Scout Group ta’ Ħaż-Żebbuġ ibbenefika minn għajnuna finanzjarja li permezz tagħha se jkunu jistgħu jinxtraw kayaks biex l-iscouts ta’ din il-lokalità jkomplu b’ħidmiethom, li tikkumplimenta l-ħidma tal-istess  Fondazzjoni, dik li jkunu pprovduti alternattivi li jbiegħdu mill-vizzji tal-logħob u l-logħob tal azzard. Minn din l-għajnuna se jibbenefikaw mat-80 membru.  

Din l-għotja saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il manager ġenerali tal-RGF Kevin O’Neill u Scout Group Leader Andrea Belizzi, li min-naħa tiegħu  esprima sodisfazzjon li b’hekk il-Baden Powell Scout Group isaħħaħ ħidmietu u jilħaq iżjed  żgħażagħ. 

“L-appoġġ finanzjarju fix-xiri ta’ dawn il-kayaks se jkun qed jgħin lill-iscouts ta’ din l organizzazzjoni fir-rigward ta’ tagħrif ta’ seamanship, jiġifieri teknika ta’ navigazzjoni filwaqt li  ssaħħaħ l-attività fiżika biex iżommu kemm jista’ jkun ’il bogħod mill-vizzji u jmantnu stil ta’ ħajja  aktar b’saħħtu. Dan isostni l-ħidma tagħna sabiex jinħoloq bilanċ san u l-ġenerazzjonijiet futuri jersqu  iżjed lejn attività fiżika, li tgħinhom ikunu mentalment b’saħħithom. Huwa evidenti li l-ħidma tal Fondazzjoni tilħaq kwalunkwe sports u delizzji, sabiex b’mod konkret ikunu indirizzati l-isfidi tal lum,” qal il-Ministru Schembri, filwaqt li awgura suċċess lill-Baden Powell Scouts Group ta’ Ħaż Żebbuġ għall- ħidma tagħhom fost iż-żgħażagħ. 

Min-naħa tiegħu, l-iscout group leader Andrea Bellizzi stqarr li din l-għajnuna se ssarraf biex fis-sajf  ikunu jistgħu isiru attivitajiet interattivi fil-baħar, li jinkisbu badges ta’ rikonoxximent għall-ħiliet fl użu tal-kayaks, filwaqt li sservi t’opportunità sabiex ikunu esplorati xtut Maltin bl-aktar mod sigur, u  fuq kollox li jitħajjru iżjed żgħażagħ isiru membri. 

“Il-Fondazzjoni se tibqa’ tkun fundamentali fi proġetti bħal dawn u se tibqa’ tisma’ mhux biss il karba tal-ivvizzjat, imma tkompli tieħu azzjoni ta’ appoġġ konkret fis-soċjetà tagħna,” saħaq il general manager tal-fondazzjoni s-Sur Kevin O’Neill, filwaqt li awgura lill-Baden Powell Scouts  Group ta’ Ħaż-Żebbuġ għall-ħidma sfiqa tagħhom fost iż-żgħażagħ.

Sport