Monday, December 23, 2024

80% tan-nisa Maltin jaħsbu li l-vjolenza kontra n-nisa żdiedet waqt il-pandemija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Stħarriġ tal-Ewrobarometru fis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea, inkluża Malta, wera kif 80% tan-nisa Maltin jaħsbu li b’effett tal-pandemija tal-Covid-19, żdiedet il-vjolenza fiżika u emozzjonali kontra n-nisa.

Dan l-istħarriġ sar bejn il-25 ta’ Jannar u t-2 ta’ Marzu li għadda. Dawk li wieġbu għall-mistoqsijiet li sarulhom kellhom jgħidu minn 1 sa 5 ta’ kemm kien l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa mentali tagħhom. 

Waħda minn kull ħames nisa Maltin (20%) jemmnu li l-miżuri li ttieħdu fosthom lockdown u curfews li wasslu biex jibqgħu magħluqin ġewwa djarhom, ħalla impatt negattiv qawwi fuqhom. Dan filwaqt li kien hemm 17% li qalu li dawn il-miżuri ftit li xejn ħallew impatt fuqhom.

Sa mill-bidu tal-pandemija, in-nisa Maltin kienu l-aktar probabbli li jħossuhom mħassba dwar in-nuqqas tal-ħbieb jew il-familjari tagħhom (44%), anzjużi u stressjati (46%) u inkwetati dwar il-futur tagħhom (30%). 

L-aktar oqsma li n-nisa f’Malta jemmnu li l-Parlament Ewropew għandu jipprijoritizza huma d-diffikultajiet aktar b’saħħihom għan-nisa biex jirrikonċiljaw il-ħajja privata u dik tax-xogħol tagħhom (49%), id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp tal-karriera (48%) u l-vjolenza mentali u fiżika kontra n-nisa (46%). 

X’irriżulta mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru?

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sab li tlieta minn kull erba’ nisa (77%) fl-UE jaħsbu li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żieda fil-vjolenza fiżika u emozzjonali kontra n-nisa. Fil-pajjiżi kollha ħlief tnejn (il-Finlandja u l-Ungerija) dan ir-riżultat huwa ogħla minn 50%, b’riżultati li laħqu 93% fil-Greċja u 90% fil-Portugall.

In-nisa jidentifikaw b’mod ċar diversi miżuri ewlenin biex tkun trattata l-kwistjoni tal-vjolenza kontra n-nisa: li jsir aktar faċli li tiġi rrappurtata l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż lill-pulizija (58%), jiżdiedu l-għażliet għan-nisa biex ifittxu l-għajnuna, pereżempju permezz ta’ hotlines tat-telefown (40%), tiżdied is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-pulizija u l-ġudikatura dwar is-suġġett (40%), u tiżdied l-indipendenza finanzjarja tan-nisa (38%).

Jirriżulta wkoll li 38% ta’ dawk kollha li wieġbu fl-istħarriġ qalu li l-pandemija kellha impatt negattiv fuq l-introjtu personali tagħhom. Ir-riżultati jvarjaw minn 60% fil-Greċja għal 19% fid-Danimarka. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha wkoll impatt negattiv fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata skont 44% tan-nisa intervistati. Dan kien il-każ għal aktar minn nofs in-nisa f’Ċipru (68%), il-Greċja (59%), Malta (58%), il-Lussemburgu (56%), l-Italja (52%), il-Portugall (52%) u l-Ungerija (51%).

Kien hemm ukoll fehma konsistenti fost in-nisa li l-miżuri promulgati biex jitwaqqaf it-tixrid tal-pandemija kellhom impatt kbir fuq is-saħħa mentali tagħhom stess. Kategoriji speċifiċi tas-soċjetà ġew affettwati aktar minn oħrajn, skont it-tip ta’ miżura: madwar nofs dawk bi tfal taħt l-età ta’ 15-il sena jgħidu li l-għeluq tal-iskola u l-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal kellu impatt kbir fuq is-saħħa mentali tagħhom.

Ekonomija

Sport