Aktar minn 80,000 turist jinsabu maqbudin f’belt magħrufa bħala “il-Hawaii taċ-Ċina” wara li żieda fil-każi tal-Covid-19 wasslu lill-awtoritajiet biex jimponu restrizzjonijiet stretti fuq l-ivvjaġġar.
Sanya hija belt ta’ aktar minn miljun ruħ fil-gżira tan-nofsinhar ta’ Hainan, fejn il-Ħadd ġew irrappurtati 483 każ ta’ Coronavirus. It-titjiriet kollha ‘l barra mill-belt ġew ikkanċellati fi tmiem il-ġimgħa, bl-awtoritajiet iwaqqfu wkoll il-bejgħ tal-biljetti tal-ferrovija.
Skont l-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiż, it-turisti biex jitilqu jridu jittestjaw negattivi għal ħames testijiet tal-PCR fuq perjodu ta’ sebat ijiem. Il-lukandi fil-belt intalbu joffru lill-mistidnin skont ta’ 50% sakemm jonqsu r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar.
Iċ-Ċina hi l-unika ekonomija ewlenija li għadha żżomm strateġija ta’ żero-Covid, b’lockdowns u kwarantini twal jekk ikun hemm bżonn. Il-fruntieri tal-pajjiż ukoll baqgħu wkoll fil-biċċa l-kbira magħluqa mill-bidu tal-2020, bil-konsegwenza li xekkel it-turiżmu internazzjonali.