Thursday, November 14, 2024

850 applikazzjoni għal lezzjonijiet ta’ reviżjoni għall-eżami tas-SEC

Aqra wkoll

Aktar minn 850 applikazzjoni minn studenti li ma għaddewx mill-eżamijiet fil-livell ordinarju tas-SEC, ġew sottomessi għand l-aġenzija Jobsplus li din is-sena wkoll organizzat lezzjonijiet ta’ reviżjoni b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

54% fil-mija tal-istudenti li applikaw huma rġiel.

Il-lezzjonijiet ta’ reviżjoni, li qed jingħataw b’xejn, huma fil-Malti, l-Ingliż, l-Matematika, il-Fiżika u l-Bijoloġija. Studenti ta’ bejn il-15 u d-29 sena li weħlu f’wieħed minn dawn is-suġġetti setgħu japplikaw biex jattendu lezzjonijiet b’xejn, tliet darbiet fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ ħames ġimgħat. F’Settembru mbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jagħmlu l-eżami tas-SEC.

Kull student seta’ jagħżel sa massimu ta’ tliet suġġetti biex jattendi lezzjonijiet ta’ reviżjoni dwarhom, mogħtija minn għalliema professjonali u bil-warrant.

Fil-fatt, bi kważi 630 applikant, il-Matematika kien l-aktar suġġett li applikaw għalih l-istudenti. Warajh hemm il-Malti bi 371 applikant, l-Ingliż bi 345 applikant, il-Fiżika bi 314-il applikant, u l-Bijoloġija b’91 applikant.

Waqt żjara f’wieħed miċ-ċentri ta’ tagħlim, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ u l-Innovazzjoni Clifton Grima ltaqgħu ma’ wħud mill-istudenti u l-għalliema waqt pawsa bejn il-lezzjonijiet sabiex jisimgħu l-esperjenzi tagħhom.

Il-Ministru Camilleri nnota li aktar minn 5,000 student applikaw għal klassijiet ta’ reviżjoni mindu Jobsplus nediet l-iskema li għenet ferm biex tagħtihom spinta għal suċċess akkademiku u għal opportunitajiet akbar fil-futur.

“Bl-appoġġ ta’ dawn il-lezzjonijiet, aktar studenti qed jirsistu biex ikomplu bl-istudji tagħhom u b’hekk iżidu l-prospetti ta’ impjieg u ta’ edukazzjoni,” qal il-Ministru Camilleri. Dawn il-lezzjonijiet jimxu id f’id mal-għanijiet tal-Youth Guarantee Programme li jaħseb biex iż-żgħażagħ jiksbu snajja’ meħtieġa mis-suq tax-xogħol u b’hekk jevitaw li jkunu qegħda.

Il-Ministru Clifton Grima qal li s-sistema edukattiva tagħti l-opportunitajiet kollha possibbli biex l-istudent jingħata appoġġ f’kull mument tal-perkors edukattiv tiegħu.

“Dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni huma espressjoni ċara ta’ ġustizzja soċjali. Din l-inizjattiva għandha l-għan li permezz tagħha ninkoraġġixxu lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq f’dawn is-suġġetti biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu għaddejjin bl-edukazzjoni tagħhom. Huwa pożittiv li matul is-snin kemm ilha fis-seħħ din l-iskema, kien hemm numru sabiħ ta’ studenti li għaddew mis-sessjoni ta’ Settembru meta poġġew mill-ġdid għall-eżamijiet wara li attendew dawn il-klassijiet.”

Huwa spjega, “Din l-iskema hija wkoll riflessjoni ta’ dak li hemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida, li permezz tagħha qed inpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru, f’dan il-każ, l-istudent.”

Il-lezzjonijiet qed jingħataw filgħodu f’ċentri edukattivi fil-Mosta, il-Blata l-Bajda, Raħal Ġdid u fil-Victoria Għawdex. Aktar minn ħamest elef student ibbenefikaw minn dawn il-lezzjonijiet mindu l-iskema bdiet għaxar snin ilu.

Ekonomija

Sport