Saturday, November 9, 2024

9,000 persuna ngħataw servizz mill-Victim Support Agency

Il-Ministru Byron Camilleri f’diskussjoni informali ma’ persuni li għamlu użu mis-servizz

Aqra wkoll

Il-Victim Support Agency li fetħet il-bibien tagħha tliet snin ilu, wasslet għajnuna lil 9,000 persuna. Għajnuna li tinkludi gwida, appoġġ emozzjonali u anke għajnuna legali lill-vittmi ta’ kriminalità.

F’diskussjoni informali li kellu ma’ numru ta’ persuni li użaw is-servizzi tal-Victim Support Agency, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, sostna li diskussjonijiet bħal dawn huma importanti biex is-servizz ikompli jissaħħaħ. 

Fost il-persuni li jingħataw is-servizz mill-Victim Support Agency, hemm il-vittmi ta’ vjolenza domestika li wħud minnhom kienu preżenti għal din id-diskussjoni.

Ladarba jsir rapport lill-Pulizija, din l-aġenzija tagħmel kuntatt mal-persuna biex tibda tagħtiha l-għajnuna meħtieġa u malli l-vittma taċċetta l-għajnuna, il-professjonisti jfasslulha programm ta’ terapija b’laqgħat ma’ councillors li jsiru b’mod kunfidenzjali.

Gruppi terapewtiċi magħmulin minn professjonisti jidħlu aktar fil-fond emozzjonali tal-esperjenza li jkunu ġarrbu l-vittmi, liema professjonisti saħansitra jakkumpanjawhom meta jkunu ser jixhdu fil-Qorti biex ikollhom l-appoġġ kollu meħtieġ.

Il-Ministru Byron Camilleri sostna li l-ħidma tal-Aġenzija wasslet biex mhux biss il-vittmi tal-kriminalità qegħdin jersqu aktar lejn is-servizz iżda saħansitra qiegħda tkun l-Aġenzija stess li tavviċinahom. B’dan jirrifletti wkoll il-ħidma li qed issir biex is-servizzi jersqu dejjem aktar lejn is-soċjetà.

Huwa fakkar f’servizzi oħra li qegħdin jiġu offruti bl-istess għan, li s-servizz ikun mhux biss aktar speċjalizzat iżda aktar aċċessibbli u f’ambjent xieraq. Fosthom il-Gender-Based Domestic Violence Unit f’Santa Luċija, l-ewwel hub għall-vittmi fejn jiġu offruti servizzi multidixxiplinarji li beda fl-2020.

Il-Ministru Camilleri tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ dawn is-servizzi għall-ġid tal-komunità.

Għal-laqgħa kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia u l-Kap tas-Servizzi tal-Aġenzija, is-Supretendent Sylvana Gafà.

Sport