Monday, December 2, 2024

988 rapport investigati mis-CRPD tul is-sena 2023

Għodod leġiżlattivi ġodda biex tittieħed azzjoni aktar strutturata fil-konfront ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità

Aqra wkoll

Fl-2025, se jiġu ppreżentati għadd ta’ bidliet leġiżlattivi fil-Parlament, inkluża l-introduzzjoni ta’ panel li għandha twassal f’sistema ta’ rimedju aktar rapida għal rapporti ta’ diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ħadmet fuq total ta’ 988 rapport ta’ allegata diskriminazzjoni abbażi ta’ diżabilità matul l-2023.


Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musù u l-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland.

Minn dawn, 591 kienu pendenti mis-snin preċedenti filwaqt li 397 ġew ippreżentati matul is-sena taħt reviżjoni. L-aċċessibilità, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi, l-edukazzjoni u x-xogħol huma l-oqsma ewlenin li fihom id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità tippersisti f’pajjiżna. L-aċċessibilità fiżika tinsab fuq quddiem u hija wkoll fil-biċċa l-kbira r-raġuni ta’ każijiet pendenti mis-snin preċedenti, minħabba li ħafna drabi x-xogħlijiet strutturali meħtieġa jistgħu jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati. Mill-każijiet kollha ttrattati, kien hemm 107 fejn is-CRPD ma sabet l-ebda diskriminazzjoni.

Minbarra l-ilmenti, is-CRPD ipproċessat ukoll 118-il talba mill-pubbliku għal konsultazzjoni jew parir. Meta qieset l-ilmenti u l-konsulenzi kollha matul l-2023, il-unit tal-Investigazzjonijiet tas-CRPD ipproċessa total ta’ 1,106 talba jew rapport.

88% tal-każijiet solvuti ngħalqu b’suċċess fejn id-diskriminazzjoni ġiet solvuta għas-sodisfazzjon tal-klijenti u tal-Kummissjoni.

Riforma oħra ppjanata hija marbuta mal-implimentazzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, fejn il-Kummissjoni se tieħu r-rwol ta’ awtorità tas-sorveljanza tas-suq, filwaqt li tiżgura li l-oġġetti u s-servizzi koperti mid-direttiva jkunu aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet, “Huwa essenzjali li nkomplu nsaħħu l-istrutturi tagħna sabiex inkunu nistgħu nirrispondu b’mod aktar effiċjenti għas-sejħiet tal-poplu għall-ugwaljanza. Bil-bidliet leġiżlattivi ġodda li se jiġu introdotti fl-2025, qed naraw li l-istrutturi ta’ rimedju jkunu aktar mgħaġġla u aċċessibbli għal kulħadd. Dan mhux biss se jnaqqas l-ammont ta’ każijiet pendenti iżda wkoll isaħħaħ it-trasparenza u l-kontabilità tal-proċess. Il-Kummissjoni se tibqa’ impenjata li twettaq dan kollu għas-sodisfazzjon taċ-ċittadini tagħna, filwaqt li tkompli taħdem sabiex toħloq soċjetà aktar ġusta u inklużiva.”


Il-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland qalet, “Filwaqt li dawn iċ-ċifri jindikaw li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabilità għadha tinstab fis-soċjetà tagħna, joħroġ ukoll għarfien dejjem akbar tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u fiduċja dejjem akbar li l-Kummissjoni se taġixxi f’isimhom.”

Hija kompliet tispjega kif il-Bord tat-Test tar-Raġonevolezza (ToRB), li jirċievi talbiet għal eżenzjonijiet, kemm fuq bażi strutturali kif ukoll fuq bażi finanzjarja relatati ma’ lmenti li jikkonċernaw applikazzjonijiet għall-aċċessibilità u l-iżvilupp, qies 84 każ. Minn dawn, 47 ġew aċċettati bħala raġonevoli jew raġonevoli b’kundizzjonijiet filwaqt li 22 każ ma ġewx aċċettati u ntalbet aktar informazzjoni fi 15-il każ. Dan filwaqt li  l-uffiċjali tekniċi tal-Kummissjoni wettqu 55 spezzjoni fuq il-post biex jiddeterminaw il-livell ta’ aċċessibilità.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport