Friday, December 20, 2024

BAĠITS – KULTURA ĠDIDA

Aqra wkoll

Pajjiż mhux magħmul biss minn binjiet u strutturi, iżda wkoll mit-tradizzjonijiet tiegħu u mill-mentalità u kultura li ssejsu matul iż-żminijiet.  U l-kultura ma tikkonsistix biss minn tradizzjonijiet romantiċi.  Tikkonsisti wkoll fil-mentalità ta’ kif jaħsibha poplu. Lanqas ma bdiet fl-imgħoddi remot jew hemm xi ħtieġa li għaddiet għandna minn missirijiet missirijietna.  

Il-kultura tista’ tinħoloq fuq medda ta’ snin pjuttost qasira. Ma għandhiex bżonn tul ta’ żmien  biex titrawwem u nibdew nidentifikaw magħha.  Bl-istess mod il-kultura m’hijiex ristretta għal xi sfera partikulari. U l-politika hija wkoll ħamrija fejn tista’ titrawwem kultura ġdida li tħalli l-frott għall-benefiċċju tas-soċjetà.  U minn dawk il-benefiċċji nipperpetwaw il-ġejjieni u nassiguraw il-benessere tal-ġenerazzjonijiet li jmiss … mhux biss bil-flus jew bl-edukazzjoni iżda bis-sempliċi mentalità u kultura.

Forsi fil-politika tali kultura ġieli tista’ anke tissejjaħ xejra.  Iżda l-kultura mhix biss xejra. Il-kultura minbarra li timplika mentalità li twassal għal ħarsien ta’ ċertu metodi kif isiru l-affarijiet u tibda tirrepeti ruħha b’konsistenza, tfisser ukoll li l-poplu jibda jaċċetta, jemmen li tista’ terġa’ tiġri u jistenniha jew addirittura jippretendiha fis-snin li jmiss.

Tikteb Lorna Vassallo

U f’Malta l-kultura politika tal-pajjiż kienet li ċ-ċittadin jippretendi d-drittijiet tiegħu u ma jaqtax qalbu jistaqsi għal iktar. Il-Malti jippretendi li jiġi mwieżen mill-politiċi tiegħu u jħares lejhom b’ċerta kburija u pretensjoni.  Din il-kultura għalkemm kemm-il darba nħarsu lejha negattivament, hija kultura sana li tagħti l-qawwa meħtieġa sabiex iċ-ċittadin jiġġieled għal dak li huwa tiegħu bi dritt.

Fil-passat mhux l-ewwel darba li sħaqt li l-Malti huwa ċittadin għaqli li jistħoqqlu gvern aħjar.  U wieħed mill-modi kif gvern jista’ jkun aħjar maċ-ċittadini tiegħu huwa li l-kultura/mentalità  tal-gvern, tal-PM u tal-politiċi kollha tkun f’armonija u paralella mal-kultura tal-poplu/ċittadin/votant. 

U l-kultura tal-gvernijiet Maltin – b’differenza minn gvernijiet barranin hija in linea mal-kultura sana tal-poplu (ta’pretensjonijiet ta’ drittijiet). Popli barranin jaċċettaw li jħallsu t-taxxa, li jħallsu l-edukazzjoni, li jħallsu għall-pensjoni, li joqogħdu fil-kera.  U huwa proprju ċ-ċittadin li jista’ jfalli qabel ma jibda billi m’għandux l-istamina li jiġġieled għal drittijietu b’konvinzjoni. Dan meta l-passat u l-preżent politiku f’pajjiżu ġabuh sottomissiv. Jaċċetta li jerfa’ l-piż fuq spallejh hu u li f’każ tat-traġedji tal-ħajja jbati hu filwaqt li s-soċjetà tkompli mingħajru.

B’differenza, sal-inqas ċittadin Malti, jippretendi s-sostenn tal-istat.  Hija l-kultura li taf il-bidu tagħha fi gvernijiet pjuttost remoti u li tifforma l-legat intanġibbli tal-Perit Mintoff u t-tim tiegħu fosthom Agatha Barbara. Kultura li tiddetta li f’każ tat-traġedji tal-ħajja l-istess ċittadin ma jbatix imma s-soċjetà permezz tal-gvern tkun miegħu t-triq kollha.

Tant nemmen li kienet qawwija din il-kultura li saħansitra influenzat il-politika kollha Maltija, anke ’l-Partit Nazzjonalista u assikurat li l-politika leminija f’Malta hija xellugija. Mentri partiti politiċi barranin jiġġieldu dwar kemm ser tkun it-taxxa qabel l-elezzjoni, il-partiti Maltin jiġġieldu dwar il-fatt li mhux se tidħol taxxa jew kemm se tonqos it-taxxa. 

U l-legat ta’ Mintoff mhux rifless biss fil-mentalità tal-poplu imma wkoll f’tal-politiċi.  In ġenerali, kellna gvernijiet, minn kull naħa, li qatt ma introduċew ċerti taxxi li introduċew pajjiżi oħra. 

Iżda bi gvern laburista ġdid illum qed naraw estensjoni ta’ dan l-istess legat min-naħa tal-politċi. Estensjoni pożittiva. Fi żmenijiet ta’ gvernijiet nazzjonalisti kienet qed tinqered l-armonija bejn mentalità-poplu u mentalità-politiku għal Malta ħanina.  Kien qed jitgħawweġ il-paralelliżmu bejn pretensjonijiet-ċittadin u konċessjonijiet-politiku.

U llum, huwa proprju għalhekk  li nemmen li qed ngħixu fi żmenijiet aħjar.  Li tlajna t-tarġa li jmiss.  Dan għaliex twieldet kultura ġdida.  Mentalità ġdida. Kultura tal-politiku li mhux biss reġgħet poġġiet iż-żewġ binarji ta’ pretensjonijiet-ċittadin u konċessjonijiet-politiku f’paralelliżmu perfett imma qed tirfina l-kultura/mentalità politika biex il-politiċi tagħna jħallu warajhom Malta aħjar.

  • Minn kultura fejn il-baġit kien ifisser taxxi ġodda jew taxxi ogħla, morna għal baġits bla taxxi jew traħħis fit-taxxi.  
  • Minn baġits fejn servizzi b’xejn introdotti snin ilu, morna għal servizzi b’xejn f’oqsma ġodda. 
  • Minn iffriżar tal-pensjonijiet morna għal żieda. Minn pensjonijiet tar-romol antikwati wasalna għal żieda li li fl-aħħar tal-leġislatura se twassal għal pensjoni ekwivalenti għall-konjuġi mejjet/mejta.
  • Minn żieda għall-għoli tal-ħajja biċ-ċenteżmi morna għal żieda ta’ kważi Eur10 fil-ġimgħa għal kulħadd u żieda ta’ €650 fis-sena lill-pensjonanti fil-baġit tal-2023 biss.
  • Minn bonus wasalna għal għotja addizzjonali għall-għoli tal-ħajja fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tal-COLA.
  • Minn xenarju fejn persuna li tibbenefika minn benefiċċju jkollha ċċedi ieħor issa qed nitkellmu dwar benefiċċji multipli.  
  • Morna għal ferm anqas persuni li ma jikkwalifikawx għall-pesjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.
  • Minn edukazzjoni b’xejn għal kulħadd morna għal edukazzjoni b’xejn u trasport b’xejn għal kulħadd.  Minn trasport b’xejn għal kull student morna għal għoti ta’ benefiċċju b’xejn lil studenti fil-bżonn skont il-ħtieġa.  U minn benefiċċju b’xejn lil studenti fil-bżonn morna għal massimu ta’ 5 benefiċċji b’xejn skont il-ħtieġa.  Morna għal allowance għal aktar tfal u ogħla.  Minn allowance għal tfal naturali għal allowance għal ġenituri addottivi u Foster Care Allowance.
  • Minn benefiċċji soċjali li jgiegħlu lil min jaħdimx jibqa’ d-dar skont il-baġit 2023 persuna qiegħda li tibda taħdem se tibqa’ tirċievi 75% tal-benefiċċju fl-ewwel sena,  55% fit-tieni sena  u 35% fit-tielet sena minkejja li tkun qed iddaħħal il-paga. 
  • Minn gvern li jippretendi li xi membru tal-familja jieħu ħsieb persuni b’diżabilità severa jew anzjani jieħu ħsiebhom b’xejn morna għal kumpens mill-istess gvern.  U mxejna wkoll lejn xenarju fejn persuni singoli li jgħixu fuq l-assistenza soċjali u li jgħixu ma’ anzjan jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju.
  • Minn proprjetà tal-gvern mogħtija lil familji fil-passat illum nitkellmu dwar għajnuna sabiex aktar familji jiksbu darhom stess bl-iskema tal-First Time Buyers, Second Time Buyers u proprjetajiet f’Għawdex u dwar l-għotja t’€10,000 lil koppji żgħażagħ.
  • Minn anomaliji, inġustizzji u ħlasijiet ta’ sahra qatt indirizzati morna għal anomaliji u inġustizzji mħallsa.  

Jista’ jkun li hawnhekk tkellimt fuq ir-‘ruħ soċjali’ biss tal-baġit 2023 – prattikament espressjoni Maltija li mhux faċli tittraduċiha f’lingwi barranin.  Iżda din hija l-kultura jew mentalità ġdida li ntlaħqet minn gvernijiet moderni laburisti.  Il-paralelliżmu l-ġdid.  L-armonija l-ġdida bejn pretensjonijiet-ċittadin u konċessjonijiet-politiku.  It-tarġa l-ġdida li lħaqna.

Bl-ewwel baġit minn ħamsa tal-PM Abela b’sekwenza għall-PM Muscat jidher li twieldet mhux biss xejra ġdida imma kultura ġdida. Jidher li dan il-pajjiż jista’ jħares lejn wirt intanġibbli ġdid.  Baġits bla taxxi fil-futur.  U saħansitra fl-assenza ta’ taxxi ġodda iktar benefiċċji lil min l-iktar jistħoqqlu. Iktar ħlasijiet lil min jistħoqqlu. Iktar rifużjonijiet, konċessjonijiet u għajnuniet. Tqassim iktar ġust tal-kejk nazzjonali. U iktar ġustizzja soċjali.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Ekonomija

Sport