Sunday, October 27, 2024

A League: L-Awstraljani jistgħu jilagħbu waqt il-waqfiet internazzjonali

Aqra wkoll

L-A-League Awstraljan qal li beħsiebu jispiċċa l-istaġun skond l-iskeda minkejja t-tfixkil ikkawżat miż-żieda fil-każijiet tal- Covid-19 u li l-clubs se jitħallew jilagħbu waqt il-waqfien internazzjonali ta’ Jannar u Marzu.

L-istaġun regolari għandu jintemm fl-1 ta’ Mejju u l-finali kbira se ssir fit-28 ta’ Mejju jew l-għada.

“L-intenzjoni tagħna hija li nkomplu u nilagħbu l-istaġun sal-aħħar ta’ Mejju iżda jekk irridu nkunu flessibbli mat-tieqa, hekk se nagħmlu,” qal il-kap eżekut­tiv tal-Australian Professional Lea­gues, Danny Townsend.

“Se nkunu qed nilagħbu matul il-waqfiet internazzjonali, li se jibqgħu għaddejjin sa Marzu, sabiex dan jagħtina round żejjed li oriġinarjament ma kienx skedat.”

Erba’ logħbiet skedati għal      tmiem il-ġimgħa li għadda kienu fost disgħa posposti s’issa, b’aktar taqlib mistenni fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-kompetizzjoni kellha tieqaf għall-parteċipazzjoni tat-team nazzjonali fil-preliminari tat-Tazza tad-Dinja taż-żona tal-Asja meta jerġgħu jibdew ix-xahar id-dieħel.

It-team ta’ Graham Arnold se jiffaċċja lill-Vjetnam f’Melbourne fis-27 ta’ Jannar qabel ma jivvjaġġa lejn Muscat biex jiltaqa’ mal-Oman ħamest ijiem wara. Huma jospitaw ukoll lill-Ġappun fl-24 ta’ Marzu qabel itemmu t-tielet round ta’ kwalifikazzjonijiet fl-Arabja Saw­dita fid-29 ta’ Marzu.

Il-koppja ta’ Melbourne City, Mathew Leckie u Jamie Maclaren, kif ukoll Rhyan Grant ta’ Sydney FC, kienu l-uniċi players bbażati fl-Awstralja nklużi fl-iskwadra meta t-team ta’ Arnold iffaċċja liċ-Ċina fl-iktar partita ta’ kwalifikazzjoni riċenti tagħhom f’Novembru.

Townsend qal li l-coaches ikunu jistgħu jitolbu posponimenti jekk l-iskwadri tagħhom jintlaqtu ħafna mill-Covid-19.

“Jekk il-coach irid jilgħab, il-logħba tintlagħab,” huwa qal.

“Madankollu, il-club għandu l-għażla li jitlob posponiment jekk ikollu ħames players jew aktar mil-lista tat-team tal-partita preċedenti li huma barra bil-Co­vid-19.”

Sport