Saturday, May 4, 2024

A+ Rating għal pajjiżna mill-aġenzija Scope Ratings

Aqra wkoll

L-aġenzija Ġermaniża Scope Ratings GmbH ikkonfermat rating ta’ A+ għal Malta filwaqt li sostniet li l-prospetti tagħna jibqgħu stabbli f’dan l-aqwa livell li qatt ingħata pajjiżna. 

Din id-deċiżjoni kienet dovuta għal tlett fatturi ewlenin. L-ewwelnett skont l-esperti ta’ Scope pajjiżna għandu “potenzjal ta’ tkabbir b’saħħtu”. Ir-riformi li twettqu fl-aħħar snin wasslu biex il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna huwa fost l-aqwa mill-pajjiżi li tħares lejhom din l-agenzija. L-esperti nnutaw kif l-ekonomija tagħna rkuprat malajr mill-pandemija, filwaqt li issa il-Gvern qed jipproteġġi lill-familji u lin-negozji mill-effetti taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan se jwassal għal domanda domestika għolja, mentri mistenni wkoll investiment pubbliku qawwi grazzi għall-fondi Ewropej. B’hekk Malta se tkun wieħed mill-pajjiżi bl-akbar tkabbir bejn l-2022-27 bi tkabbir medju ta’ kważi 4 fil-mija.

It-tieni fattur wara r-rating A+ ta’ pajjiżna huwa ‘managment effettiv u prudenti, appoġġjat minn tkabbir b’saħħtu  u konsolidazzjoni fiskali’. L-esperti Ġermaniżi nnutaw ir-rekord ta’ surplus u tnaqqis fid-dejn nazzjonali qabel il-pandemija, u kif il-Gvern Malti uża dan biex seta jkun ta’ sostenn lill-familji u negozji. B’riżultat ta’ dan l-ekonomija rkuprat malajr u l-qagħda tal-finanzi pubbliċi tjiebet ferm aktar milli kien previst. Skont Scope Ratings, id-defiċit tal-Gvern ser jonqos taħt it-3 fil-mija sal-2025. Dan filwaqt li faħħru l-ħidma tal-Gvern biex tkun prijorizata l-għajnuna lill-familji u negozji, mingħajr ma tonqos l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u resiljenza nazzjonali.

Finalment l-esperti ta’ Scope jirrimarkaw li l-qagħda tal-finanzi esterni tal-pajjiż tibqa ferm robusta, bil-pajjiż għandu ħadna aktar assi barranin milli għandu djun. Dan filwaqt li jinnutaw li  “d-deċiżjoni tal-FATF kienet turi li rrikonoxxew il-progress li sar f’Malta biex tittejjeb il-governanza u t-trasparenza u biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fil-ġurisdizzjoni Maltija”.

Għal darba oħra aġenzija nternazzjonali qed tagħti ċertifikat pożittiv mill-aqwa, b’rating A+, lil pajjiżna. Il-programm ta’ ħidma tal-Gvern kien imfaħħar u meqjuż bħala li joffri prospetti tajba ħafna għall-ekonomija tagħna, filwaqt li ġie nnutat li se nibqgħu, minkejja kollox, fost l-aqwa fid-dinja.

Sport