Tuesday, December 24, 2024

Aaron Busuttil jirbaħ il-grupp iżda Alex Borg isofri l-ewwel telfa

Aqra wkoll

Waqt ir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat Dinji tas-Snooker f’Golem, l-Albanija, iż-żewġ players li qed jirrapreżentaw lil pajjiżna kellhom fortuni differenti. Aaron Busuttil kiseb it-tielet rebħa nfila u rebaħ il-grupp ukoll filwaqt li Alex Borg tilef biex issa fil-grupp tiegħu ser jispiċċa t-tieni.

Aaron Busuttil illum kellu rebħa dominanti fuq l-Inġliż ta’ 23 sena Chae Ross bi skor ta’ 3-0 għalkemm fit-tieni frame Busuttil kellu bżonn jagħmel il-kuluri kollha biex jirbaħ il-frame u wara mini break ta’ 20 punt, il-frame ġie deċiż favur il-Malti bl-aħħar boċċa sewda. Bil-punteggi tal-frames spiċċaw hekk, 55-31; 74-70; 72-8. B’hekk ic-champion Malti rebaħ Grupp A wara li kiseb it-tliet rebħa minn daqstant logħbiet. Minn dan il-grupp it-tieni post ikun deċiż għada f’logħba diretta bejn l-avversarju li lagħab miegħu llum u t-Tajladniż Nattanapong Chaikul li Busuttil kien rebaħlu fl-ewwel ġurnata, s-Sibt li għadda.

Min naħa tiegħu Alex Borg ma’ kellu l-ebda risposta kontra ż-żgħażugħ ta’ 21 sena Connor Benzey f’logħba li damet 54 minuta biss fejn l-Ingliż rebaħ 3-0. Il-veteran Malti tilef numru ta’ ċansijiet li setgħu jħalluh fil-logħba. Fl-ewwel frame Benzey wettaq break ta’ 75 punt u baqa’ għaddej b’kontroll fiż-żewġ frames suċċesivi biex huwa spiċċa b’riżultat ta’ 93-0; 61-10; 69-18. Filwaqt li Borg kien ikkwalifika minn dan il-Grupp C, il-bieraħ, b’din r-rebħa l-Ingliż rebaħ il-grupp minkejja li għada faddallu jiltaqa’ ma Cristian Surdea tar-Rumanija.

Għada tkun ġurnata ta’ mistrieħ għax żewġ players Maltin li t-tnejn ikkwalifikaw għal fażi tan-knock out. Il-logħbiet tal-gruppi jibqgħu għaddejin sal-Ħamis fis-sessjoni li tibda f’nofs in-nhar. Wara li tiġi konkluża din il-fażi pjuttost twila, toħroġ l-iskeda tan-knock out.

Ekonomija

Sport