Wednesday, April 24, 2024

Aaron Mifsud, Lisa Bezzina jirbħu t-tellieqa Intersport Burmarrad 10k

Aqra wkoll

Aaron Mifsud (Mellieha AC) u Matthew Xuereb (Zurrieq Wolves) taw battalja intensiva matul it-tellieqa tal- Intersport Burmarrad 10k l-Erbgħa li għadda.

It-tellieqa laqgħet numru sabiħ ta’ atleti ħerqana li jikkompetu. It-tellieqa ġiet organizzata b’osservanza sħiħa tal-protokolli Covid-19 stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Xuereb kiseb postu fuq quddiem madwar ir-raba’ kilometru. Hu u Mifsud kienu ras imb’ras matul il-parti l-kbira tat-tellieqa.  Spinta finali minn Mifsud ratu jaqbeż lil Xuereb fl-aħħar mitt metru biex rebaħ it-tellieqa b’distakk ta’ żewġ sekondi biss. Mifsud kiseb ħin ta’ 32’32. Fit-tielet post kien hemm Andrew Grech tal-Evolve Endurance Club li għamel ħin ta’ 33’01.

Fit-tiġrija tan-nisa Lisa Bezzina (Pembroke Athleta) kellha tiġrija b’ritmu tajjeb u rebħet f’ħin ta’ 36’04, erba’ sekondi biss inqas mir-rekord tal-korsa. Fit-tieni post, 31 sekonda wara Bezzina kien hemm Jemima Farley tal-Ladies Running Club. Roberta Schembri ta’ Evolve temmet il-podju ta’ 10k, u spiċċat it-tellieqa fi 38’06.

It-tellieqa tal-5k kienet iddominata mill-atleta tal-Mellieħa Dillon Cassar. Bil ħin ta’14’34 hu stabbilixxa rekord tal-korsa u wieħed mill-aktar ħinijiet veloċi f’din id-distanza f’Malta. Fit-tieni post wara Cassar f’ħin ta’ 16’01 kien Jake Fenech, filwaqt li l-ħin ta’ 16’10 ta’ Neil Brimmer rah jispiċċa fit-tielet post.

Il-podju femminili kien magħmul minn Marija Cumbo (Mellieha AC) li għamlet ħin ta’ 18’44, Charla Pia Vella (Zurrieq Wolves) li spiċċat f’19’40. Fit-tielet post Charyl Fava (Evolve Endurance Club) għamel ħin ta’ 20’24.

Il-premjijiet lill-aqwa tliet runners irġiel u nisa ġew ippreżentati mill-President ta’ Athletics Malta Andy Grech u d-Direttur tat-Tellieqa Charlie Demanuele.

L-Organizzaturi tat-Tlielaq jixtiequ jirringrazzjaw lil Transport Malta, lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, lid-Distrett tal-Pulizija u lil dawk kollha involuti għall-appoġġ tagħhom.

It-tellieqa li jmiss tal-Intersport 10k Series se ssir il-Ħadd 23 ta’ Jannar u se ssir fil-Birgu fuq rotta li tgħaddi mill-Birgu,  Bormla u L-Isla.

Sport