Meta aktar kmieni fil-Parlament kompla jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi għal aktar sigurtà fit-toroq, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li din ir-riforma tirrifletti l-bżonn urġenti li tipproteġi l-ħajja, insaħħu s-sigurtà fit-toroq u nżidu l-kredibilità tas-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Attard saħaq li dan l-Abbozz huwa frott ta’ ħsieb serju ta’ konsultazzjoni ma’ diversi esperti u t’analiżi dettaljata tal-prattika u r-realtà li qed ngħixu fit-toroq tagħna. Huwa wkoll risposta diretta u b’saħħitha għas-sentiment u l-inkwiet li minn żmien għal żmien iqum fil-pajjiż, f’mumenti minnhom isir aktar urġenti, li jitlob azzjoni konkreta, deċiżiva u bla kompromessi hekk kif qed jiġi ppreżentat dan l-intervent leġiżlattiv.
Il-Ministru Jonathan Attard enfasizza li “kien, għadu u jibqa’ inaċċettabbli u illegali li ssuq taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga. Permezz ta’ din il-liġi se nipprovdu aktar għodod lill-forzi tal-ordni ta’ pajjiżna biex iwettqu l-infurzar fit-toroq b’mod aktar prattiku u effettiv.”
Huwa qal li jħares lejn dan l-abbozz ta’ liġi bħala li huwa msejjes fuq tliet pilastri ewlenin: l-approċċ ta’ tolleranza żero għal min isuq taħt l-effett tas-sustanzi, l-introduzzjoni ta’ pieni aktar ħorox fosthom il-piena ta’ priġunerija mandatorja għall-omiċidju involontarju mwettaq b’riżultat ta’ sewqan ta’ vettura taħt l-influwenza ta’ alkoħol jew droga, kif ukoll l-aspett ta’ prevenzjoni proattiva permezz ta’ testijiet każwali u poteri ġodda lill-pulizija.
“Dan jippermetti infurzar aktar effettiv, immedjat u jnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti qabel effettivament iseħħu. Il-pieni se jkunu aktar ta’ deterrent. Din il-liġi hija soda iżda ġusta. Ma tikkastigax lil min hu responsabbli imma timmira lejn min jagħżel li jipperikola ħajjet ħaddieħor.
“Nappella lil kull membru ta’ din il-Kamra biex jappoġġja dan l-Abbozz. Dan huwa abbozz li jagħmel ġustizzja, ta’ ħarsien tal-ħajja u ta’ rispett lejn il-komunità li ngħixu fiha.
“Il-messaġġ li noħorġu minn din il-Kamra għand jkun wieħed b’saħħtu li pajjiżna ma jaċċettax sewqan taħt l-influwenzi, li pajjiżna jħares il-ħajja u jagħti valur lill-ġustizzja. “Lil kull ċittadin messaġġ ċar: Is-sewqan huwa privileġġ, mhuwiex dritt. Jiġi b’responsabbiltà dak li tipproteġi lil ħaddieħor,” temm jgħid il-Ministru Attard.