Uffiċjal tal-Pulizija li kien involut fit-tfittxija li saret fiċ-ċella ta’ Abner Aquilina, sostna li Aquilina kien qalilhom li lilu ma jistgħu jagħmlulu xejn għax għadda mentalment mhux stabbli.
Is-Surġent Dale Cassar xehed dan hekk kif quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Aquilina, li jinsab mixli bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska fit-2 ta’ Jannar 2022 fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
Is-Surġent Cassar, li kien l-uniku xhud fis-seduta tal-Erbgħa, beda biex spjega li nhar it-2 ta’ Frar 2023, huwa flimkien ma’ tliet uffiċjali tal-pulizja fosthom Spettur mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri, kienu wettqu tfittxija fiċ-ċella ta’ Aquilina, ġewwa t-Taqsima Forensi.
Huwa qal li malli waslu fiċ-ċella, sabu lill-imputat mixħud fis-sodda u talbuh iqum sabiex iwettqu t-tfittxija. Qal li Aquilina kien liebes flokk abjad u ntalab jagħtih lill-pulizija bħala evidenza.
Ix-xhud kompla jgħid li waqt li kienet għaddejja t-tfittxija, l-imputat beda jitkellem dwar il-mewt ta’ Paulina Dembska u beda jistaqsi x’marru jagħmlu l-pulizija sena u xahar wara li seħħ il-każ.
Intqal ukoll li ħin minnhom, l-imputat ħareġ il-parti privata tiegħu quddiem l-uffiċjali u beda jgħaddi wkoll ċertu kummenti vulgari. Ix-xhud qal li dan id-diskors semgħu jgħidu b’widnejh u anke hemm body cams li rrekordjaw dan kollu.
Il-każ ikompli nhar id-29 ta’ Novembru li ġej.
L-avukati Darlene Grima u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri, Jonathan Ransley u Shaun Pawney.
L-Avukat Mario Mifsud qed jidher għal Abner Aquilina.