Sunday, September 29, 2024

B’Trolls, Timberlake jibgħat messaġġ

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

It-thriller drammatiku u storiku “Killers of the Flower Moon” iddebutta b’dħul ta’ $23 miljun dollaru fil-box office Amerikana u b’$21 miljun mill-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri.

Għalkemm tela’ fit-tieni post tal-box office Amerikana, dan hu l-aħjar debutt għal film ta’ Scorsese minn meta kien iddebutta “Shutter Island” fl-2010 (fetaħ b’dħul ta’ $41 miljun).  Barra minn hekk, “Killers of the Flower Moon” għandu t-tielet l-aħjar bidu, anqas minn “The Departed” (fl-2006 fetaħ b’dħul ta’ $26.9 miljun). 

Għall-film li sewa $200 miljun, dawn iċ-ċifri mhumiex tajba biżżejjed biex jirkupra dak li ntefaq biex inħadem.  Ta’ min wieħed jgħid, li wara dan il-film hemm il-kumpanija Apple, li ppreferiet li l-film jiddebutta fit-teatri qabel jibda jkun disponibbli fuq il-platforma diġitali tagħha Apple TV+.  Għadu mhux magħruf meta ser jibda jkun streamed imma wisq probabbli mhux qabel xahar u nofs ieħor.

Ta’ min wieħed jgħid li Apple qegħda tittestja din l-istrateġija billi għandha żewġ films oħra li beħsiebha tagħmel l-istess: l-ewwel b’“Napoleon” li jiddebutta fit-22 ta’ Novembru u wara bit-thriller tal-ispijji,  “Argylle” li fih jidher Matthew Vaughn u joħroġ fit-2 ta’ Frar.  Jekk din l-istrateġija tirnexxi, ikun interessanti x’ser jagħmlu kumpaniji oħra.

Fil-quċċata tal-box office Amerikana żammet postha Taylor Swift bil-concert film tagħha “The Eras Tour” b’dħul ta’ $31 miljun,

Fit-tliet postijiet l-oħra fil-quċċata tal-box office Amerikana, wieħed isib: “The Exorcist: Believer”, “PAW Patrol: The Mighty Movie” u fil-ħames post, “The Nightmare Before Christmas”, il-film animat klassiku tal-1993 li reġa ħareġ għall-wiri.

Trolls Band Together

Meta fl-2013, il-kumpanija DreamWorks xtrat il-franchise tal-pupi Trolls, ftit ħasbu li kien investiment tajjeb.  Il-pupi b’dak ix-xagħar distint feġġew fis-snin sittin. Mas-snin majnat il-popolarita taghhom imma fis-snin disgħin reġa’ tqanqal l-interess fihom. 

DreamWorks Animation u Universal Pictures raw sabiex jisfruttaw din il-popolarita`. Mimli kanzunetti popolari, l-ewwel film “Trolls” li ħareġ fl-2016 kellu success kbir.  It-tieni wieħed, “Trolls World Tour” li rajna  tliet snin ilu, ma tantx mar tajjeb kaġun tal-Covid.

Issa għandna “Trolls Band Together”.  F’dan it-tielet wieħed, insibu li Poppy (vuċi ta’ Anna Kendrick) u Branch (Justin Timberlake) huma uffiċċjalment koppja.  Poppy tiskopri li Branch darba kien jifforma parti mill-boy band, BroZone, li kienet tinkludi l-erba’ ħutu.  Il-band kienet sfaxxat u Branch qatt ma reġa ra lil ħutu.

Issa Branch isir jaf li ħuħ Floyd (Troye Sivan)) safa’ maħtuf minħabba t-talenti mużikali li kellu. Branch u Poppy jiddeċiedu li jibdew vjaġġ emozzjonali biex isalvaw lil Floyd u l-aħwa jerġgħu jingħaqdu. 

Dan il-film qed iqanqal interess kbir minħabba li qed iservi bħala lok biex il-grupp NSYNC li Timberlake darba kien  jifforma parti minnu, ikollhom reunion. 

*NSYNC, one of the most successful acts of the late 1990s, released their first new music together in 20 years on Friday, a song featuring in animated movie “Trolls Band Together”.

Għal dan il-film, Justin Timberlake, JC Chasez, Chris Kirkpatrick, Joey Fatone, u Lance Bass ħadmu flimkien biex jagħtuna il-kanzunetta “Better Place” li tinstema’ fuq is-soundtrack tal-film.  Din hi l-ewwel kanzunetta li ħadmu flimkien minn meta din il-boy band Amerikana ħarġu l-aħħar studio album “Celebrity” fl-2001.

“Trolls Band Together” hu kklassifikat U imma għandu ftit umoriżmu goff u xi drabi l-lingwaġġ mhux adattat għal kollox.

Retribution

Fl-2008, Liam Neeson kien deher fil-film “Taken” u minn dak in-nhar ’l hawn, donnu għamila missjoni personali li jirrepeti l-istess parti ġo films differenti.

Liam Neeson għandu l-parti tal-bankier Matt Turner.  Meta jkun fi triqtu biex iwassal lit-tfal l-iskola, Matt jirċirvi telefonata anonima li twissih li hemm bomba taħt is-seat tal-karozza u Matt irid jagħmel dak kollu li l-istranġier jordnalu minn fuq it-telefon.  

Il-preżenza tat-tfal fil-karozza hi użata tajjeb ħafna biex id-direttur Ungeriż Nimród Antal iżid it-tensjoni u allura “Retribution” hu ftit aħjar mill-bosta thrillers riċenti li fihom rajna fihom lil Liam Neeson.

Fil-bidu tal-film, ma nkunux ċerti x’responsabilitá kellu Matt Turner biex dan l-istranġier għażel lilu u xi nies oħra li Turner jaf sew, f’dik li hi ċara li ried vendetta minnu. 

Dan hu t-tielet remake tal-film Spanjol li kien ħareġ fl-2015.  Tliet snin wara inħadem verżjoni Ġermaniża bl-isem ta’ “Dont. Get. Out!”.  Fl-2021, il-Korea t’ Isfel rat produzzjoni televiżiva bl-isem ta’ “Hard Hit”.  

“Retribution” hu kklassifikat 12A minħabba xi lingwaġġ, theddid u vjolenza fuq persuni.

Sport