Monday, May 13, 2024

Mixli li ta n-nar vettura f’Santa Luċija

Aqra wkoll

Raġel li jgħix f’kontejner u li kien identifikat bħala s-suspettat li fis-16 t’Ottubru ta n-nar vettura f’Santa Luċija, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Charlot Camilleri ta’ 41 sena kien mixli wkoll b’serq ta’ ram minn fabbrika bejn Awwissu u Settembru li għadda.

Huwa kien arrestat wara rapport dwar Toyota Vitz li kienet ingħatat in-nar fi Triq il-Ġnien, Santa Luċija. It-Toyota spiċċat meqruda kompletament filwaqt li żewġ vetturi oħra li kienu pparkjati fil-viċin kellhom ukoll xi ħsarat.

Filmati tas-CCTV minn fuq il-post urew persuna titfa’ flixkun tal-plastik biswit wieħed mit-tyres tal-karozza, jimxi pass lura u jitfa’ lighter. Huwa mbagħad ħarab minn fuq il-post.

Huwa eventwalment kien identifikat u ġie arrestat viċin ta’ kontejner. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud mixli b’serq aggravat, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ terzi, li ta n-nar vetturi u li għex ħajja t’għażż u vagabondaġġ.

Camilleri nżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Antonello Magro, Mario Xiberras, Doriette Cuschieri megħjuna mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Wilfrid Buttigieg deher għall-imputat.

Sport