Sunday, December 29, 2024

Academy of Givers tniedi l-Giving Report l-ewwel rapport ta’ din ix-xorta f’Malta

... Għal għarfien ikbar dwar is-sħubija bejn in-negozji u l-NGOs

Aqra wkoll

L-Academy of Givers ħabbret it-tnedija tal-Giving Report, inizjattiva mmirata biex titfa’ dawl fuq id-dinamika tal-appoġġ bejn in-negozji u l-organizzazzjonijiet volontarji f’Malta.

Bħala parti minn din l-inizjattiva innovattiva, l-Academy of Givers bdiet eżerċizzju li huwa għaddej bħalissa biex tiġbor data komprensiva mingħand in-negozji u l-organizzazzjonijiet volontarji madwar Malta. L-informazzjoni li tinġabar imbagħad tiġi analizzata għall-fini tal-ewwel Giving Report dwar Malta. L-għan aħħari ta’ din l-inizjattiva huwa li jinkiseb għarfien kruċjali dwar kif in-negozji jestendu l-appoġġ tagħhom lill-NGOs u l-motivazzjonijiet wara dawn l-isforzi filantropiċi. Ir-rapport se jidentifika wkoll opportunitajiet għall-kollaborazzjoni u benefiċċju reċiproku.

Louisa Attard, CEO tal-Academy of Givers, ikkummentat: “Dan l-istudju huwa pass vitali ‘l quddiem għal Malta. Mingħajr informazzjoni u data konkreta nkunu qed nimxu fl-għama. Permezz ta’ dan l-istudju, in-negozji u l-organizzazzjonijiet volontarji se jkunu strumentali biex jitfgħu dawl mhux biss fuq il-mekkaniżmi tal-appoġġ, iżda wkoll fuq il-motivazzjonijiet tagħhom.

Huwa sforz kollaborattiv biex jiġu żviluppati strateġiji effettivi, jiġu identifikati l-isfidi, u jingħeleb id-distakk bejn il-ġenerożità tan-negozji u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-organizzazzjonijiet volontarji. Flimkien nistgħu inwittu t-triq għal sħubijiet aktar effettivi u komunità aktar b’saħħitha.”

Il-Giving Report qed jiġi ffinanzjat mill-Active Citizen Fund – Bilateral Cooperation Initiative. L-Academy of Givers qed tibbenefika wkoll mill-kollaborazzjoni u l-kompetenza ta’ Frivillighet Norge, l-Assoċjazzjoni tal-NGOs fin-Norveġja.

In-negozji u l-organizzazzjonijiet volontarji huma mistiedna jipparteċipaw b’mod attiv f’din l-inizjattiva billi jimlew il-kwestjonarju relatat ma’ dan l-istħarriġ. Barra minn hekk, huma qed jiġu wkoll mistiedna biex jissieħbu fil-focus groups li twaqqfu, biex jiżguraw rappreżentazzjoni wiesgħa u komprensiva tal-perspettivi differenti.

In-negozji u l-NGOs jistgħu jaċċessaw l-istħarriġ fuq il-websajt tal-Academy of Givers permezz tal-link https://www.academyofgivers.org/pages/giving-report-malta

Ekonomija

Sport