“Il-ħaddiema huma lil hinn minn mezz biex iddur ir-rota ekonomika.” Dan qalu d-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Mario Mallia fl-okkażjoni tal-jum li jfakkar il-ħaddiema. Mallia sostna li filwaqt li l-ħaddiema għamlu kisbiet sostanzjali fil-jeddiet tagħhom tul-is-snin, għad għandna tebgħa fuq il-kuxjenza kollettiva tagħna li fadal ħaddiema fostna li jitħaddmu b’kundizzjonijiet ta’ mitt sena ilu.
Huwa qal li l-istat għandu l-obbligu li jiżgura li l-ħaddiema kollha, huma min huma, ikunu trattati b’mod diċenti, b’kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw id-dinjità tagħhom. B’mod partikolari irrefera għall-mewt ta’ ħaddiem immigrant ieħor fuq il-lant tax-xogħol fl-industrija tal-kostruzzjoni xi jiem ilu. “Għal darboħra assistejna għal mewt ta’ ħaddiem immigrant ieħor li baqgħet għaddejja kwazi b’sens ta’ indifferenza”. Mallia saqsa kemm iridu jmutu ħaddiema iżjed biex l-istat jonora l-obbligi tiegħu li jara li l-ħaddiema kollha specjalment dawk li huma vulnerabbli li jaħdmu fil-kostruzzjoni, jiġu protetti minn min huwa bla skruplu.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo irrefera wkoll għall-ħaddiema barranin li jaħdmu bħala ‘food couriers’ fil-qasam tal-catering. Qal li filwaqt li hemm kumpaniji li jimpjegaw lil dawn il-ħaddiema bil-jeddiet li jixirqilhom skont il-liġi, hemm ħafna oħrajn li jiksru l-liġi bl-addoċċ u jsibu l-istat jagħlaq għajn waħda permezz ta’ nuqqas ta’ kontrolli adegwati.
Sostna li dan qed iwassal biex il-kumpaniji li qed jiksru l-liġi qed jikkompetu nġustament mal-oħajn li l-liġi qed jirrispettawha, billi jiffrankaw l-ispejjeż tal-obbligi li għandhom lejn il-ħaddiema tagħhom. Cacopardo tenna li ilu li wasal iż-żmien li dan is-settur jiġi regolarizzat kif jixraq anke billi l-liġi tiġi aġġornata sabiex ma jkunx hemm ħaddiema li jibqgħu jgħixu fil-limbu, esposti għal sfruttamemt bla skrupli. Cacopardo ħeġġeġ ukoll lill-unions fil-pajjiż biex jiġu flimkien ħalli jkunu tarka magħquda u b’saħħitha għal dawn il-ħaddiema u oħrajn li huma sfruttati.