Sunday, December 22, 2024

Adrian Casha se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għall-viċi-president tal-MFA

Aqra wkoll

Il-viċi-president tal-MFA, Adrian Casha, se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għal din il-kariga għall-erba’ snin li ġejjin.

Din l-elezzjoni se ssir f’Marzu li ġej. 

Huwa bagħat messaġġ lill-clubs li kien jgħid: 

Għeżież ħbieb tal-futbol,

Għaddew erba’ snin u nofs minn meta għoġobkom tagħtuni l-unur u l-privileġġ li nservikom bħala Viċi-President tal-MFA. 

Kif kont wegħedtkom, matul dan il-perjodu żammejt qrib tagħkom sabiex nifhem aħjar il-ħtiġijiet tal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri, u naġixxi fl-aħjar interessi tal-futbol Malti f’kull saff tiegħu.

Għexna flimkien żmien ta’ sfida li matulu kont nifforma parti minn tim amministrattiv li poġġa fil-prattika strateġija msejsa fuq żvilupp infrastrutturali, titjib fit-teknika tal-logħba, sistemi aġġornati ta’ identifikazzjoni ta’ talenti, firxa aktar wiesgħa ta’ korsijiet tal-kowċing, fiduċja akbar fil-ħiliet tagħna, u regolamentazzjoni li tirrispetta l-obbligi tagħna bħala membri sħaħ fi ħdan il-FIFA u l-UEFA.

M’hemmx dubju li għad jonqos xi jsir, imma ninsab kburi li tajt il-kontribut tiegħi sabiex jintlaħqu diversi miri mfassla bl-iskop li ngħollu l-livell tal-futbol Malti, kemm dak milgħub u kif ukoll dak amministrat.  Offrejna wkoll inċentivi finanzjarji attraenti lill-klabbs, sabiex il-plejers żgħażagħ Maltin li jippromettu, isibu spazju li juru l-potenzjal tagħhom minkejja l-influss tal-plejers barranin.

Personalment kont involut ukoll fit-tfassil ta’ MOUs li ffirmajna ma’ kull assoċjazzjoni membru sabiex niggarantixxu s-sostenn tal-MFA lil min jilghab il-futbol f’livell amitorjali jew mat-tim tal-post tax-xogħol tiegħu, lill-assoċjazzjoniet tal-kowċis u tar-referis, kif ukoll investiment akbar fil-Futsal l-Beach Soccer.

Bis-sodisfazzjon tal-ħidma tiegħi magħkom fejn dejjem kont għad-dispożizzjoni tagħkom, flimkien mal-appoġġ u r-rispett li kontinwament urejtuni, huwa l-pjaċir tiegħi li nħabbar uffiċjalment li nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu, b’umiltà ser nerġa’ nkun qiegħed nikkontesta l-elezzjoni għal Viċi-President tal-MFA, bil-persważjoni u d-determinazzjoni li flimkien ser nisfruttaw l-isforzi kollettivi li jwassluna għall-aħjar kisbiet fil-logħba tal-futbol li tant għandna għal qalbna.

Nibqa’ DEJJEM QRIB TAGĦKOM!

Tislijiet,

Ekonomija

Sport