F’intervent li għamel aktar kmieni llum il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li, f’għadd ta’ lokalitajiet f’pajjiżna qed jinħolqu ‘ghettos’, fejn qed jinħatfu partijiet minn lokalitajiet minn barranin. Dan rizultat ta’ nuqqas ta’ pjan. Il-Partit Nazzjonalista jrid pjan ħolistiku għal dawn iż-żoni biex intuhom futur aħjar.
“Ħafna familji jinsabu mħassba mis-sitwazzjoni f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna, fejn żieda ta’ kriminalità qed twassal għal biża’ fost il-familji. Din mhix kwistjoni ta’ razziżmu. Hemm bżonn proġetti ta’ riġenerazzjoni, ta’ investment u fuq kollox il-preżenza tal-forza tal-ordni biex il-familji jħossuhom sikuri.
Il-ħolqien ta ghettos huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ pjan. Ta’ importazzjoni ta’ ħaddiema barranin li jiġu Malta għal ftit u jerġgħu jitilqu. Huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ investment u pjanar fit-tul.”
Dan qalu l-Kap tal-PN Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Dr Delia qal li għal ammont ta’ żmien, partikolarment taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, qed naraw indħil tal-gvern fix-xandir pubbliku; xandir iffinanzjat mit-taxxi tal-Maltin kollha u allura jeħtieġ li jkun jirrifletti l-fehmtiet u l bżonnijiet tal-Maltin kollha.
Delia kompla jgħid li “f’pajjiż demokratiku, riforma tfisser li se mmorru għal aktar spazju għall-ilħna differenti li nsibu f’pajjiżna. Iżda Abela jifhem xi ħaġa oħra b’’riforma’: takeover tal-apparat tal-istat sabiex jiġi xandir tal-gvern.”
Delia fisser kif minkejja d-difetti tiegħu, dan il-programm kien iservi ta’ spazju biex kulħadd, irrelevanti mill-kulur politiku tiegħu, ikollu leħen. Issa dan tneħħa u għaldaqstant bħala PN qed inkomplu nitħassbu dwar is-sitwazzjoni. Iżda mhux biss; fassalna u qed ninsistu fuq proposti intiżi sabiex jsaħħu l-ġurnaliżmu indipendenti u jżommu x-xandir tal-istat bħala wieħed newtrali u awtonomu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li ċ-ċifri li ħarġu matul din il-ġimgħa dwar l-faqar f’pajjiżna, fejn jirriżulta li 83,000 persuna jinsabu fir-riskju ta’ faqar.
Dr Delia saħaq li biex nindirizzaw din il-problema, rridu nħarsu lil hinn mill-aħmar u l-blu u flimkien noħorġu b’soluzzjonijiet. Il-PN qed jiggarantixxi li gvern Nazzjonalista jtejjeb l-livell ta’ għajxien tan-nies, kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u li l-ġid li noħolqu jasal għand kulħadd.
Mistoqsi dwar iż-żieda qawwija ta’ kriminalità partikolarment matul l-aħħar ġimgħat, Adrian Delia qal li din hija konsegwenza ta’ meta il-kriminalità tibda tnawwar lis-soċjetà minn fuq nett.
L-impunità li hawn il-pajjiz, fost id-diversi konsegwenzi negattivi, qed twassal biex ċertu żoni f’Malta saru ‘no-go areas’ jew ‘ghettos’. Is-Sindku tal-Ħamrun ukoll ilmenta dwar dan pubblikament fuq il-mezzi soċjali. Adrian Delia qal li l-PN jemmen li għandna nħarsu mhux biss lejn aktar infurzar tal-liġi f’dawn l-inħawi, iżda nfasslu pjan ħolistiku li jittrasforma dawn il-bliet u jagħtihom futur ferm isbaħ.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia tkellem dwar kif l-istudenti jinsabu mħassba dwar l-eżamijiet tagħhom fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19. Minkejja s-sitwazzjoni prekarja li qed twassal għal aktar stress u pressjoni fuq l-istudenti, il-ministru responsabbli mill-edukazzjoni Owen Bonnici mhux jieħu azzjoni konkreta u qed iħalli lill-istudenti fil-limbu. Dan jżomm lura mhux biss lill-istudenti, iżda joħloq inċertezza wkoll fost il-ġenituri, li ma jkunux jafu kif se jaħdmu matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.