L-ex direttur ġenerali ta’ AC Milan, Adriano Galliani, jrid li jinħoloq European Super League (ESL), iżda mingħajr il-clubs Ingliżi.
L-intenzjoni li jiġi ffurmat l-ewwel ESL tħabbret f’April 2021, u kienet tinkludi sitt timijiet Ingliżi, iżda ġiet abolita mmedjatament wara r-rispons qawwi mill-partitarji madwar il-kontinent.
Galliani, li issa huwa d-direttur ġenerali tal-club tas-Serie A li għadu kif ġie promoss, Monza, iħoss li ESL għadu possibbiltà, iżda m’għandux jinkludi timijiet mill-Ingilterra peress li jemmen li diġà hemm wisq flus fil-Premier League. Huwa qabbel il-pjan propost tiegħu mal-Brexit.
“Il-clubs tal-Premier League jaqilgħu erba’ darbiet aktar minn dawk tas-Serie A,” huwa qal.
“Monza jieħdu €33m (£28m) mid-drittijiet tat-TV, u rridu nagħtu €3m (£2.5m) lis-Serie B.
“Team li għadu kif ġie promoss fl-Ingilterra jieħu €160m (£135m). Kif nistgħu nikkompetu ma’ Nottingham Forest? U kif nista’ nwaqqaf din it-tendenza tal-ekonomija dinjija?
“Għandu jkun hemm Brexit fil-football ukoll. Min iġiegħel lill-Ingliżi jiġġeneraw £4 biljun fis-sena bil-grounds tagħhom dejjem mimlijin.
Għalhekk ikun kampjonat Ewropew reali, mingħajr l-Ingliżi,” temm jgħid Galliani.