Iktar kmieni llum, għall-ħabta tal-12.20 p.m., ajruplan żgħir kien involut f’inċident fir-runway ewlenija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).
Fi stqarrija maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali stess, ġie kkonfermat li t-tim ta’ salvataġġ u tal-pumpieri tan-nar intbagħat immedjatament fuq il-post sabiex jassistu fejn meħtieġ. Fortunatament ħadd ma weġġa’ fl-inċident.
Intant, minħabba dan l-inċident, ir-runway primarja tinsab miftuħa biss għall-ajruplani li se jitilqu minn Malta, filwaqt li r-runway sekondarja qed tintuża għall-ajruplani li jkunu se jillandjaw. Dan sfortunatament ħalla impatt fuq uħud mit-titjiriet.
Min-naħa tiegħu, it-tim tal-MIA jinsab għaddej b’ħidma sfiqa sabiex ir-runways jerġgħu jibdew joperaw b’mod normali, filwaqt li jiskuża ruħu għal kull inkonvenjent li seta’ nħoloq.
Bħalissa tinsab għaddejja investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident.