Wednesday, March 27, 2024

AĠENZIJA LI SE TOFFRI TITJIB AMBJENTALI

Aqra wkoll

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin f’din il-leġiżlatura ta’ Gvern Laburista, kif imwiegħda fil-manifest elettorali Malta Flimkien, hija t-tħaris tal-ambjent u inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward sabiex il-kwalità tal-ħajja tan-nies dejjem tkun aħjar. 

Il-ħidma għal titjib fl-ambjent ma bdietx ilbieraħ, imma llum qed tingħata spinta aktar qawwija li qatt ma kien sar bħalha qabel tant li qed jiġu mibdija proġetti ambjentali ġodda. Fil-fatt, it-Tnejn stess, il-Gvern nieda l-aġenzija Project Green, li se tkun responsabbli mill-akbar proġett ambjentali f’pajjiżna.

Xejn inqas minn €700 miljun se jkunu qed jiġu investiti fis-seba’ snin li ġejjin biex il-familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu minn aktar spazji ħodor miftuħa, fil-lokalitajiet fejn jgħixu n-nies. Aspett importanti f’dan kollu hu li dawn l-ispazju se jkunu viċin ħafna taċ-ċittadini u għalhekk ma jkollhomx il-ħtieġa li jivvjaġġaw bil-karozzi tagħhom.

Fiduċjużi illi l-Kap Eżekuttiv li se jmexxi dan il-proġett, Steve Ellul, se jara li jintlaħqu l-miri u l-prinċipji ewlenin li huma l-kwalità, il-kollaborazzjoni u s-sostenibbiltà, bil-għan li dan l-investiment jissarraf fi spazji miftuħa tal-ogħla kwalità.

Nemmnu li l-pubbliku wkoll għandu jagħti sehmu biex pajjiżna jkun aktar nadif u mħaddar. U f’dan il-kuntest ukoll il-pubbliku huwa mistenni li jaderixxi wkoll mal-iskeda l-ġdida dwar il-ġbir tal-iskart kif suppost. 

Minbarra dan, il-pubbliku huwa wkoll imħeġġeġ biex juru aktar responsabbiltà għaż-żamma sostenibbli ta’ dawn il-proġetti li wara kollox jiswew il-flus biex jitwettqu u jibqgħu jitgawdew għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. 

Minn hawn ukoll infaħħru l-mod konvinċenti tal-Gvern li wassal lill-Kummissjoni Ewropea tapprova l-fondi lil Malta li parti sostanzjali minnhom se jkunu dedikati għall-ambjent u għat-tħaris tiegħu. 

Inħarsu ‘l quddiem għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti li l-għan tagħhom huwa li flimkien mat-tħaddir taż-żoni urbani, il-lokalitajiet jingħataw dehra isbaħ u joffru trankwillità għall-kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar, kif wara kollox jixraqlu l-poplu.  

Ekonomija

Sport